Local Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq attentat ta’ serq minn sit ta’ kostruzzjoni

Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, Andi Blakcori, ta’ 24 sena u residenti Tirana fl-Albanija, ammetta attentat ta’ serq fil-Marsa u akkużi oħra miġjuba kontrih u ġie kundannat għal 10 xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

Il-Qorti ordnat ukoll garanzija ta’ €1,000 u kundizzjoni li l-imputat ma javviċinax jew idejjaq lil żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija, li ma ħallihomx jaqdu dmirijiethom waqt l-arrest. Il-każ kien beda meta l-Pulizija mill-Għassa tal-Marsa irċivew rapport dwar persuna li daħal f’sit ta’ kostruzzjoni matul il-lejl.

L-investigazzjoni kienet tirriżulta li l-persuna ma nstabx fis-sit, iżda minn fuq il-mobile tal-vittma, instab filmat li wera l-akkużat bil-flokk iswed b’komma twila u shorts griż. L-imputat ġie identifikat aktar tard waqt li kien qed jitlob flus fil-Marsa Park and Ride. Dan minħabba l-ħwejjeġ li kien liebes, huwa ġie arrestat mill-Pulizija, u l-arrest ma ġiex ikkontestat minn naħa tad-difiża.

Il-Qorti kkunsidrat li l-imputat kien mixli b’attentat ta’ serq nhar it-Tnejn, 17 ta’ Novembru, bejn it-8pm u l-11:30pm, fi Triq Belt il-Ħażna, fil-Marsa, bil-ħsieb li jisraq min sit ta’ kostruzzjoni. Fil-Qorti ħareġ li r-reat ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu. Blakcori kien ukoll mixli li wettaq vjolazzjoni oħra kontra l-propjetà ta’ sid il-post.

Barra minn hekk, l-imputat kien akkużat li fit-Tlieta, 18 ta’ Novembru, bejn nofs il-lejl u t-3am, ma kellux meżżi biex jgħix f’Malta u li kien qed jgħix ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ. L-imputat kien akkużat ukoll li nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Novembru, bejn is-6am u l-8am fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, għamel injurja u theddid fuq ħewġ membri tal-Korp tal-Pulizija biex jipprevjeni li jaqdu dmirijiet tagħhom.

Madankollu, matul il-proċeduri, il-prosekuzzjoni irtirat l-akkuża ta’ theddid, u ma saret l-ebda punizzjoni fuq dan il-punt. L-imputat kien rappreżentat mill-Avukat Yanika Bugeja, u f’konsiderazzjoni tal-ammissjoni bikriaj ta’ ħtija tiegħu u l-fatt li waqgħet l-akkuża ta’ theddid fil-konfront tal-Pulizija wara qbil ukoll mal-prosekuzzjoni li piena ta’ ħabs mhix idonea.

Il-Qorti għaldaqstant ħadet deċiżjoni li tordna ħabs sospiż u garanzija biex tivita l-kuntatti mal-vittmi u l-Pulizija, bħala miżura preventiva. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella filwaqt li l-Avukat Yanika Bugeja dehret għall-akkużat.