Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li nqabad isuq bla liċenzja fil-Marsa

Sirjan ta’ 36 sena, Usef Alualo Huseyn, ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi u skwalifika mill-liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar wara li ammetta li kien qed isuq bla liċenzja u b’mod traskurat. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech.

L-inċident seħħ it-Tlieta, 18 ta’ Novembru meta għall-ħabta tal-11.30 p.m., Huseyn twaqqaf waqt road check fi Triq Diċembru 13, il-Marsa. Meta mitlub jagħti d-dokumenti tiegħu, l-imputat ma ppreżenta l-ebda liċenzja u qal lill-pulizija li jgħix il-Bulgarija u d-dokumenti qegħdin hemm.

Iżda fil-Qorti ħareġ li minn iktar verifiki wrew li hu ma kellux ikun Malta, u ma tqajmet l-ebda kwistjoni dwar il-validità tal-arrest. Il-prosekuzzjoni qalet li Huseyn kien akkużat bi tliet reati: li saq bla liċenzja, li ma kellux polza ta’ assigurazzjoni, u li saq b’mod traskurat.

Il-Qorti wissietu li r-reati li kien qed jaffaċċja jistgħu jwasslu għal piena ta’ ħabs, iżda l-prosekuzzjoni u d-difiża qablu fuq sentenza sospiża, ukoll fid-dawl tal-fatt li l-każ se jiġi riferut lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.

Huseyn wieġeb għall-akkużi u ammetta minnufih. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, filwaqt li d-difiża kienet imexxija mill-Avukat Axl Camilleri.