Internazzjonali

Stati Uniti: Se joħorġu l-files kollha ta’ Epstein… jonqos biss il-firma ta’ Trump

Iż-żewġt Ikmamar tal-Kungress, sa fl-aħħar, qablu biex id-Dipartiment tal-Ġustizzja jippubblika d-dokumenti (files) kollha dwar il-pedofelu biljunarju Jeffrey Epstein, li kien darba ħabib u assoċjat tal-President Amerikan Donald Trump u li qatel lilu nnifsu l-ħabs wara li spiċċa kkundannat dwar traffikar u abbuż sesswali ta’ tfajliet minorenni.

Intant, il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington ivvutat favur ir-rilaxx tal-files b’427 favur u wieħed biss kontra, waqt li s-Senat, fl-aħħar sigħat, ikkonferma li kien se jgħaddi l-abbozz speċifiku sa minn qabel kellu jirċevih.

Jonqos biss is-siġill Presidenzjali ta’ Donald Trump – jiġifieri li hu jiffirma l-abbozz li jiftaħ il-bibien beraħ għall-pubblikazzjoni tal-files fost l-istennija tal-poplu kollu Amerikan.

Trump, issa, qed jgħid li lest biex jieħu dan il-pass, b’dan il-u-turn qed isir wara li hu kien għamel minn kollox biex il-files ma joħorġux għall-konsum tal-pubbliku.

Fl-istess ħin, Trump qed ikompli jgħid li ‘ma għandu xejn x’jaħbi’ u meta hu ħeġġeġ biex id-deputati kollegi mal-Partit Repubblikan fil-Gvern ukoll jivvutaw biex ir-rekords ma jibqgħux klassifikati.

Dan ukoll wara ħafna pressjoni mis-sostenituri ta’ Trump li jiffurmaw l-hekk-imsejjaħ ‘Maga-base’ u li baqgħu jinsistu biex l-‘Epstein files’ isiru magħrufin mingħajr aktar ħabi jew tnikkir.

Fl-aħħar sigħat, uħud fost il-vittmi ta’ Jeffrey Epstein esprimew sodisfazzjon dwar il-fatt li ‘għandha toħroġ il-verità dwar dan il-pedofelu’. Huma sostnew ukoll li ilhom is-snin ‘ittraduti mill-Istituzzjonijiet responsabbli tal-Istati Uniti’.

L-‘Epstein files’ huma ħażna enormi ta’ dokumenti li tfasslu waqt l-investigazzjonijet kriminali dwar il-biljunarju li kien konsulent ‘politiku u finanzjaru’ tal-aktar persuni influwenti fl-Istati Uniti. Id-dokuementi jinkludu transcripts tal-intervisti mal-vittmi u x-xhieda, minbarra rekords tal-oġġetti elevati waqt ir-rejds li l-Pulizija għamlu fil-proprjetajiet ta’ Jeffrey Epstein.

Fl-aħħar sigħat, il-President Trump tenna li ma jridx li l-każ ‘Epstein’ itellef l-attenzjoni minfuq il-ħidma siewja tal-Gvern immexxi minnu.

Madankollu, Trump qed jidher anki anzjuż dwar dak li jista’ joħroġ mir-relazzjoni ta’ ħbiberija li kellu ma’ Epstein ħafna snin ilu… relazzjoni li l-Amerikani jridu jkunu jafu aktar dwarha wara li d-deputati f’Washington kienu ħarġu ‘l fuq minn 20,000 dokument mill-estate ta’ Epstein… dokumenti li wħud minnhom jirreferu direttament għal Donald Trump u persuni importanti oħrajn, inklużi biljunarji u politiċi, iżda mingħajr ma żvelaw xi imġiba ħażina min-naħa ta’ dawn l-individwi.

Fl-istess ħin, ir-Repubblikani fil-Kungress Amerikan qegħdin jidhru urtati wara li nqabdu fuq sieq waħda b’kaġun tal-U-turn ta’ Trump rigward il-files. Dan b’ mod partikulari wara li huma, sa ftit ilu, kienu qed jappoġġjaw lill-President fl-insistenza biex id-dokumenti ma joħorġux fil-pubbliku.

Fil-fatt, Mike Johnson, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u sostenitur kbir ta’ Trump, kien dam jinsisti li l-inizjattiva għall-pubblikazzjoni tal-‘Epstein files’ ma kienet xejn ħlief ‘montatura qarrieqa mid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni’.