Lokali Qorti

Tibqa’ fis-seħħ ordni ta’ probation fuq offiża gravi

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet ikkundannat lil Raymond Camilleri ta’ 46 sena għal probation ta’ sentejn wara li kien instab ħati mill-Qorti tal-Magistrati ta’ Għawdex li fit-18 ta’ Novembru 2021, għall-ħabta tal-4pm u qabel ġewwa Triq Wied ir-Rihan, in-Nadur, Għawdex, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar, ikkaġuna offiża ta’ natura gravi fuq ċertu David Attard.

Huwa nstab ħati wkoll li kiser il-bon ordni jew il-kwiet tal-pubbliku iżda mill-Appell ma nstabx ħati li rrenda ruħu reċidiv b’diversi sentenzi mill-Qorti tal- Magistrati. Il-fatti li wasslu għal dawn il-proċeduri jmorru lura għal ġrajja li seħħet f’Wied Riħan tan-Nadur. Iz-zija tal-akkużat, li għandha raba’ fl-inħawi, talbitu jivverifika jekk David Attard kienx qed jikkapparra parti mill-għalqa tagħha.

Tlett ijiem qabel l-inċident, l-akkużat niżel fil-wied u sab lil Attard hemm armat għall-insib, iżda dakinnhar ma avviċinahx għax ried jitkellem miegħu bil-kwiet aktar ’il quddiem. Fit-18 ta’ Novembru 2021, waqt li kien miexi bil-pass minn ġol-wied, huwa kien iltaqa’ ma’ Attard fil-Jeep tiegħu.

    Għamillu sinjal biex jieqaf u resaq ħdejn it-tieqa biex jitkellem miegħu b’mod ċivili dwar il-biċċa raba’. Attard beda jiċħad bil-ħerqa li daħal fiha, u qal lill-akkużat biex ma jkomplix jgħid affarijiet li ma jikkonċernawhx.

    Camilleri baqa’ kalm u offra li jmorru għand nutar bil-karti rispettivi sabiex isolvu l-kwistjoni. Madankollu Attard baqa’ jirrifjuta u jissuppervja. F’dan il-ħin għadda bil-karozza Emanuel Portelli, ħaten Attard, li waqaf u staqsa x’inhu jiġri.

    Attard spjega li l-akkużat kien qed jallega li daħal fil-propjetà tiegħu. Portelli offra biex juri lill-akkużat fejn hi l-għalqa tiegħu, iżda dan wieġbu li ma kellux x’jaqsam u li kien aħjar jitlaq, għax bħala ħaten Attard se jkun qed jagħtih raġun.

    F’daqqa waħda Attard hedded lill-esponent li kien se “jaqlagħlu għajnejh” u xeħet idu barra mit-tieqa biex jaqbadlu wiċċu u jigrfulu. L-akkużat ma kienx qed jistenna dan, u b’reazzjoni immedjata imbotta lil Attard biex jeħles minnu u jipproteġi lilu nnifsu.

    F’dak il-mument kemm Attard kif ukoll Portelli niżlu mill-karozzi tagħhom u bdew jiġru warajh, u Camilleri kellu jaħrab bil-giri biex jevita aktar ġlied. Wara li mar għand tabib u ġab ċertifikat mediku għall-ġrieħi li sofra, l-għassa ċemplulu sabiex jinżel għax Attard kien għamel rapport kontrih.

    Camilleri ta stqarrija dettaljata u ppreżenta ċ-ċertifikat lit-Taqsima tal-Pulizija. Eventwalment, iż-żewġ irġiel ġew akkużati b’rabta mal-istess inċident minħabba allegazzjonijiet reċiproċi. Il-Qorti tal-Appell qalet fis-sentenza tagħha li l-unika tibdil li din il-Qorti qed tirravisa hu li ma hijiex qed issib lill-appellant ħati tal-akkuża tar-reċidiva kuntrarjament ghal dak li għamlet l-Ewwel Qorti.

    Madankollu minkejja dan rat li l-piena inflitta mill-Ewwel Qort kienet waħda fit-terminu tal-liġi u m’għandu jkun hemm l-ebda tibdil fiha. Il-Qorti qalet li għalhekk qegħda tikkonferma s-sentenza mogħtija mill-Ewwel Qorti fl-intier tagħha u tordna li t-terminu mogħti ta’ tliet snin fl-Ordni tal Probation jibda jiddekorri mid-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell.

    Tikkonferma wkoll l-Ordni tat-Trażżin li nħarġet fil-konfront ta’ David Attard u t-terminu ta’ sentejn hemm imsemmi jibda jiddekorri wkoll mid-data tas-sentenza. Fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Lulju 2024, il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) sabet lil Camilleri ħati fuq l-imputazzjonijiet kollha, kollha kkonfermati mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fl-appell salv ir-reċidiva.

    Permezz tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 446, il-Qorti poġġiet lil Camilleri taħt ordni ta’ probation għal sentejn, taħt kundizzjonijiet stretti li tressqu fid-dokument uffiċjali tal-Qorti. Barra minn hekk, bl-applikazzjoni tal-artikoli 412C u 382A, il-Qorti ordnat ukoll Ordni ta’ Trażżin favur David Attard għal perjodu ta’ sentejn.