Internazzjonali

UKRAJNA: Ikompli l-assedju mill-ajru fuq iż-żoni ċivili

Fi kliem il-President Zelensky, l-Ukrajna qed tinbidel f’xena simili għall-Apokalissi.

L-aħħar attakk mill-qawwiet tal-Kremlin ikkonċentra fuq il-belt ta’ Ternopil, lejn il-Punent tal-Ukrajna, fejn numru ta’ missili laqtu direttament lil żewġ blokok ta’ appartamenti li partijiet minnhom ikkrollaw bil-forza tal-impatt.

Ir-Russja qed timxi fuq strateġija tal-gwerra mirata fuq ic-ċivili, bil-ħsieb li toqtol il-moral tal-Ukreni li ilhom għal kważi erba’ snin jirreżistu l-invażjoni ta’ arthom mill-militar ta’ Vladimir Putin.

U fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet f’Ternopil kienu qed jagħmlu l-kalkoli tal-istraġi, fost konferma li ndarbu viċin il-100 persuna – b’talanqas 20 ikunu identifikati bħala subien u bniet.

L-attakk fuq Ternopil qed jissemma anke bħala wieħed mill-aghar assedji mill-ajru …sa mill-bidu tal-gwerra, fi Frar tal-2022.

Il-qawwiet Russi fetħu anki baraxx fuq regjuni varji lejn il-Punent tal-Ukrajna.

Dan waqt li d-drones laqtu wkoll il-belt ta’ Kharkiv, fejn indarbu bejn 30 u 50 persuna.

Ir-ritratti mill-inħawi li bdew jiċċirkulaw online, intant, urew numru ta’ bini u karozzi bin-nirien telgħin minnhom …. bil-Ministeru Ukren għall-Enerġija jirrapporta qtugħ tad-dawl fost diversi reġjuni madwar il-pajjiż.

Il-President Zelensky tenna li r-Russja sparat aktar minn 500 drone flimkien ma’ għexieren tal-missili fuq l-inħawi ta’ Ternopil u li x’aktarx li ntradmu numru ta’ ċittadini taħt it-tifrik ta’ wieħed mill-blokok tal-appartamenti milquta.