Silvestre Antonio Garcia Alvarez, Spanjol ġie kundattat 11-il sena ħabs u multa ta’ 18,000 ewro wara li ammetta flok għadda ġuri fuq traffikar ta’ droga li kienet waħda konsiderevoli. Flimkien ma’ raġel ieħor mir-Repubblika Domenikana huwa kien tressaq il-Qorti wara sejba ta’ tliet kilos kokaina u kwantitajiet konsiderevoli ta’ sustanzi illegali oħra.
Huwa ammetta li importa u kkonfoffa biex jittraffika kokaina u sustanzi psikotropiċi oħra. L-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u John Leigh Howard spjegaw fil-Qorti li l-akkużati kien ilhom taħt sorveljanza għal xi żmien, hekk kif kien hemm suspett serju li kienu involuti fin-negozju tad-droga.
L-informazzjoni miġbura matul l-osservazzjonijiet wasslet lill-pulizija jidentifikaw post li kienu jemmnu li fih l-akkużati kienu jaħbu d-droga. Meta saret ir-rejda, is-suspett tagħhom ġie kkonfermat: il-pulizija sabet madwar tliet kilos kokaina, 600 gramma anfetamina, 400 gramma ketamina, madwar 2,500 pillola ecstasy, kif ukoll ammont mhux magħruf ta’ flus kontanti.
Quddiem l-Imħallef Neville Camilleri huwa kkonferma l-ammissjoni ta’ ħtija għal kull akkuża, wara li saret l-interrogazzjoni tiegħu bl-assistenza ta’ avukat u interpretu. Il-Qorti spjegatlu b’mod ċar il-konsegwenzi, iżda hu xorta kkonferma l-ammissjoni tiegħu.
Wara l-ammissjoni, il-proċess għadda għand l-Avukat Ġenerali, li kkonferma li l-każ kellu kompożizzjoni li tittratta reati ta’ natura gravi u għalhekk inħareġ Att ta’ Akkuża kontra l-imputat. Dan ifisser li l-proċess ma kellux għalfejn jgħaddi minn smigħ sħiħ, u l-Qorti setgħet timxi direttament lejn il-piena.
Ftit ġimgħat wara, sar rikors konġunt bejn l-A.Ġ. u l-akkużat, li fih it-tnejn talbu lill-Qorti biex timponi piena miftehma: ħdax-il sena ħabs, multa ta’ tmintax-il elf ewro, konfiska ta’ kwalunkwe assi relatati mar-reati u ħlas ta’ nofs l-ispejjeż tal-esperti.
L-Imħallef, qabel ma ddeċieda jekk jaċċettax il-ftehim, analizza l-fatti u l-prinċipji ta’ ġurisprudenza li jgħidu meta ammissjoni għandha twassal għal tnaqqis fil-piena. Huwa rrimarka li l-ammissjoni ta’ Garcia Alvarez ma saritx fl-ewwel dehra, iżda xorta kienet fi stadju bikri biżżejjed biex tiffranka lill-Qorti proċess twil.
Żied ma’ dan il-fatt li l-akkużat kellu fedina penali nadifa u kien qed juru kooperazzjoni. Minkejja li l-akkużi kienu gravi biżżejjed li kieku wasslu għal pieni ħafna aktar għoljin, il-piena proposta kienet xorta waħda fil-limiti legali u kkunsidrata adegwata fid-dawl tal-ammissjoni u tal-ftehim mal-prosekuzzjoni.
B’dan kollu, il-Qorti aċċettat il-piena patteġġjata u kkundannat lil Silvestre Antonio Garcia Alvarez għal 11-il sena ħabs effettivi, multa ta’ tmintax-il elf ewro, konfiska tal-assi kollha relatati mar-reati, kif ukoll il-ħlas ta’ nofs l-ispejjeż tal-esperti.
//= $special ?>

