Lokali Qorti

Appell tal-AĠ mhux milqugħ fuq ġrieħi gravi f’każ ta’ ‘self defence’

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ħalliet intatta s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ Paul Coleiro, li kien mixli b’żewġ imputazzjonijiet relatati ma’ ġlieda li seħħet fis-7 ta’ April 2021 fi Triq l-Aħmar, Marsaskala.

L-Appell kien imressaq mill-Avukat Ġenerali, li talab li tiġi riformata d-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti billi Coleiro jinstab ħati wkoll tal-ewwel imputazzjoni, li kienet tirrigwarda li kkawża ġrieħi gravi lill-vittma, George Bugeja, f’każ ta’ ‘legittima difesa’.

L-Imħallef Camilleri madankollu ma sab l-ebda raġuni biex jintervjeni fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati, u kkonferma li l-ewwel imputazzjoni ġiet ġustament miċħuda. Il-fatti li ħarġu fil-kawża juru li fil-jum tal-inċident Coleiro kien qed jagħmel xogħol ta’ tiswija fid-dar ta’ Francis u Christine Aquilina, fejn ukoll kien preżenti l-vittma Bugeja.

Kien hawnhekk li qamet kontroversja bejn Coleiro u Bugeja wara li l-ewwel talab lil Aquilina biex jivverifika xi kwistjoni relatata max-xogħol, u allegat li Bugeja kien qed jinfluwenza l-konversazzjoni. Skont ix-xhieda, l-iskambju tal-kliem wassal biex iż-żewġ irġiel resqu lejn xulxin u qabdu f’xulxin, u f’ċertu ħin il-vittma spiċċa ġo banju li kien għadu ma twaħħalx.

L-istess vittma xehed li wara li ntefa’ fil-banju, Coleiro tah daqqa ta’ ponn li kkawżitlu ġrieħi fl-għajn ix-xellugija, iżda Coleiro sostna li rreaġixxa biss wara li l-vittma qabdu minn għonqu u ħabbtu mal-ħajt. L-Imħallef Camilleri irrimarka li l-Qorti tal-Appell ma tagħmilx evalwazzjoni ġdida tal-provi ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, u l-funzjoni tagħha hija li tistħarreġ jekk il-Qorti tal-Maġistrati setgħetx tasal b’mod ġust u raġonevoli għall-konklużjonijiet tagħha.

Wara li reġgħet eżaminat ix-xhieda okulari, inklużi dik ta’ Francis u Christine Aquilina, il-Qorti tal-Appell qablet li kien il-vittma li resaq lejn Coleiro u li kien hemm diversi indikazzjonijiet li proprju Bugeja kien beda l-ġlieda fiżika. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell ma sabitx ilmenti validi fil-pretensjoni tal-Avukat Ġenerali li ma kienx hemm proporzjonalità jew li l-leġittima difiża kienet interpretata ħażin.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti, li kienet illiberat lil Coleiro mill-imputazzjoni li kkawża ġrieħi gravi, iżda sabitu ħati ta’ inġurja jew theddid taħt l-Artikolu 399(1)(e) tal-Kodiċi Kriminali, kif ukoll tar-reċidiva. Għal dan, kien ġie kkundannat għal multa ta’ €58 u tpoġġa taħt Ordni ta’ Trażżin ta’ sentejn favur Bugeja. Bl-appell miċħud, is-sentenza tibqa’ fis-seħħ kif kienet.