Lokali Transport

Chris Bonett jagħżel il-proposta li kien ressaq il-PN

Imur kontra Robert Abela li qal li jrid Metrò

Il-Master Plan Nazzjonali għat-Trasport 2030, imniedi ftit tal-jiem ilu, jikkonferma żewġ punti: li l-Gvern għad m’għandux direzzjoni ċara fi ħdanu dwar is-soluzzjoni għat-trasport tal-massa u li l-proposta li kien ressaq il-Partit Nazzjonalista tat-Trackless Tram li tgħaddi minn dedicated lanes – li l-Gvern Laburista tant irredikola qabel l-elezzjoni li għaddiet – kienet l-aktar waħda favorevoli għaċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna, tant li issa l-Gvern qed jipproponi sistema simili ħafna għaliha.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Toni Bezzina intqal li l-Gvern Laburista, b’dan id-dokument, inkixef li fil-Kabinett tiegħu għandu tliet narrattivi kunfliġġenti għaliex dan il-pjan imressaq minn Chris Bonett qed jipproponi sistema ta’ Bus Rapid Transit System, filwaqt li Robert Abela qal li jrid Metrò u Clyde Caruana ddeskriva dan kollu bħala “ħolm”.

Qabel jipprietka fuq is-sistema tat-trasport tal-massa, il-Gvern jeħtieġ jiddeċiedi fi ħdanu stess x’inhi t-triq ‘l quddiem.

Min-naħa l-oħra, il-PN jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fil-pjan imressaq minn Chris Bonett, qed jingħata raġun għax qed ikun ikkonfermat li l-proposta li kien ressaq fl-2022 għal Trackless Tram li tgħaddi minn dedicated lanes biex jitnaqqas drastikament il-hin tat-traġitt biex tasal minn post għal ieħor, kienet waħda tajba.

Tant hu hekk li r-rakommandazzjonijiet imressqa ‘l quddiem fir-rapport The National Transport Master Plan 2030 imħejji mill-Ministru Bonett huma simili ħafna.

Min-naħa tiegħu, il-PN se jkun qed jagħti l-kontribut tiegħu matul din il-konsultazzjoni biex jiżgura li tinstab soluzzjoni aħħarija u tibda tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.