Minn April tal-2024, propju minn meta l-AirMalta waqfet topera, sal-lum il-Gvern ta’ Robert Abela nefaq ‘il fuq minn €700,000 f’konsulenzi; flus li ħarġu mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dan ġie żvelat minn Mistoqsija Parlamentari li saret mix-Shadow Minister David Agius hekk kif issa il-linja tal-ajru ilha madwar għoxrin xahar ma topera – għalkemm ġie spjegat li l-kumpanija għadha ma ngħalqitx għal kollox.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana qal li madwar €400,000 marru għand kumpanija ta’ awdituri filwaqt li €300,000 inqasmu bejn żewġ kumpaniji legali. Dan kollu għal konsulenzi b’rabta ma’ kumpanija li preżentament m’għandha l-ebda attività għaddejja, bl-aħħar titjira kienet saret fil-31 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet.
Apparti minn hekk, kollox jindika li dawn il-flus ħarġu minn direct order tal-Ministru Clyde Caruana.
Iżda mhux hekk biss. Meta wieħed iħares lejn in-numru provduti mill-Ministru tal-Finanzi stess wieħed jista’ jinnota li kumpanija legali partikolari mmexxija mis-Segretarju tal-Air Malta Andre Borg rċiviet pagamenti ekwivalenti għal madwar €5,000 fix-xahar.
Fil-fatt, skont artiklu fuq The Shift News l-avukat Andre Borg għadu jokkupa l-kariga ta’ Segretarju sal-ġurnata tal-lum, b’numru ta’ uffiċjali tal-Gvern saqsew għalfejn għadhom joħorġu dawn l-eluf ta’ ewro fuq kumpanija li waqfet topera kważi sentejn ilu. Bil-Ministru Clyde Caruana qed ikompli jaħrab milli jagħti spjegazzjoni dwar din is-sitwazzjoni.
Din mhux l-ewwel darba li Andre Borg spiċċa taħt skrutinju hekk kif l-istess ġurnal żvela kif il-kumpanija tiegħu Tempodesk titħallas €6,000 fix-xahar permezz ta’ direct order separat.
Ftit taż-żmien ilu kien ġie żvelat ukoll li l-Air Malta għad għandha 19-il impjegat, bi spiża ta’ €90,000 fix-xahar – filwaqt li ħadd ma jaf x’inhu l-irwol ta’ dawn l-impjegati.
//= $special ?>

