Għawdex Lokali

Eiffel 65 se jkunu l-mistiedna speċjali għall-ispettaklu lejlet l-Ewwel tas-Sena fir-Rabat Għawdex

Illum tnieda l-programm tal-“Milied f’Għawdex” b’madwar 165 attività għall-familja kollha li se jibdew fid-29 ta’ Novembru u jibqgħu sejrin sas-6 ta’ Jannar 2026.

Is-Sibt 29 ta’ Novembru se jingħata bidu għall-programm “Milied f’Għawdex” bil-kunċert “Christmas it’s Time” fit-Teatru tal-Opra Aurora, fil-Belt Victoria. U l-qofol jintlaħaq lejlet l-ewwel tas-sena bi spettaklu mill-aqwa fil-Belt Victoria bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kantanti lokali u tal-mistiedna internazzjonali Eiffel 65.

Dan id-duo jibqa’ magħruf għal diversi suċċessi bħal ‘Move Your Body’ u s-silta popolari ‘Blue’.

Il-programm varjat ta’ avvenimenti għall-“Milied f’Għawdex” din is-sena jinkludi attivitajiet popolari fosthom il-Parata tal-Milied fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat; Betlehem f’Għajnsielem, Dinja tat-Tfal f’Villa Rundle fejn se jkun hemm ukoll Christmas Market u Illuminated Gardens, ir-Rabat; The Rock n’ Roll Panto Robin Hood and the Babes in the Wood, Teatru Astra; Christmas Magic – Għar Ilma, Santa Luċija; Santa’s Workshop Ta’ Dbieġi Crafts Village, l-Għarb, Carols by Candlelight, kunċerti u diversi presepji tradizzjonali Għawdxin.

Dawn l-attivitajiet huma maħsuba biex joffru divertiment, kultura u atmosfera ta’ festa tul dan l-istaġun maġiku.