Stanley Zammit, PN
Ix-Shadow Minister responsabbli mill-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit, ippreżenta l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-industrija tal-kostruzzjoni waqt id-diskussjoni dwar il-Budget fejn wera li l-kostruzzjoni f’Malta tenħtieġ riforma ta’ vera u li l-Partit Nazzjonalista għandu l-pjan u r-rieda biex iwettaqha.
Fl-intervent tiegħu, Stanley Zammit saħaq li s-settur tal-kostruzzjoni huwa pilastru important ħafna tal-ekonomija Maltija, iżda ilu snin twal abbandunat taħt politika ta’ kwantità qabel kwalità. “Filwaqt li l-Gvern jara l-ekonomija bħala numri u bilanċi,” sostna Stanley Zammit, “il-PN jemmen li kull riforma trid tibda mill-bniedem, mill-ħaddiema, mill-ġirien, mill-professjonisti u minn dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma affettwati u kull proġett, kbir jew żgħir għandu jkun sigur u ta’ kwalità, u mhux sors ta’ biża’.”
Stanley Zammit fakkar kif l-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia fetħet għajnejn kulħadd u kixfet sistema li fiha n-nuqqas ta’ serjetà u kontroll huma n-norma. Il-Gvern ħalla l-industrija taħdem “b’mentalità ta’ min irid jagħmel kif irid, jgħamlu”, u r-riformi saru biċċa hawn u biċċa hemm mingħajr ebda pjan strateġiku.
F’dan il-kuntest, hu faħħar ix-xogħol onest tal-ħaddiema fl-OHSA u fil-BCA, iżda rrimarka li huma qed jitħallew jaħdmu b’għodod limitati u f’sistema li mhix adegwata. Huwa żvela kif il-liċenzjar tal-kuntratturi spiċċa proċess burokratiku u frammentat aktar u mhux garanzija ta’ kwalità u responsabbiltà.
Stanley Zammit elenka b’mod ċar il-passi li l-PN qed jipproponi: sistema serja ta’ klassifikazzjoni tal-kuntratturi, skills cards verifikati u allinjati mat-taħriġ, u uffiċjalment l-ewwel struttura li tgħaqqad l-ippjanar, is-sigurtà, l-ambjent u l-kwalità urbana f’sistema waħda konsistenti. “Il-PN għandu r-rieda u l-pjan. Irridu settur modernizzat, teknoloġikament imsaħħaħ u responsabbli. Dan mhux biss possibbli imma huwa indispensabbli.”
Huwa enfasizza wkoll li r-riforma kellha tibda bi pjan ċar u bi strategija nazzjonali tal-kostruzzjoni li tistabbilixxi standards għoljin għall-bini, l-effiċjenza u s-sigurtà, xi ħaġa li l-Budget lanqas biss semma’. “Il-Gvern jaħdem bl-iskossi,” qal, “imma l-pajjiż jistħoqqlu viżjoni u ordni, mhux reazzjoni fil-mument.”
Stanley Zammit qal li l-Partit Nazzjonalista mhux biss jikkritika iżda jippreżenta soluzzjoni. Soluzzjonijiet li waqt li jitgħallmu mill-passat, iħarsu lejn futur fejn il-kostruzzjoni tibni valur, mhux problemi; fejn il-ħaddiema jaħdmu b’sigurtà; fejn il-ġirien jistgħu jgħixu minġħajr biża’; u fejn ħajja ta’ kwalità tkun prijorità.
Il-PN huwa l-unika forza politika li għandha l-kuraġġ, il-kompetenza u l-viżjoni biex twassal bidla sostenibbli u serja fis-settur tal-kostruzzjoni.
“L-għan tagħna mhux li nħallu djun u numri lil ta’ warajna,” temm jgħid Stanley Zammit, “imma pajjiż isbaħ, aktar sigur u b’industrija li żżid il-valur u mhux ir-riskju.”
//= $special ?>

