Lokali Qorti

Jammetti li daħal b’mod mhux awtorizzat fil-kontijiet tal-midja soċjali u tal-EID tal-eks tfajla tiegħu

Żagħżugħ ta’ 18-il sena minnn Tal-Pietà tressaq il-Qorti akkużat b’użu ħażin tal-kompjuter wara li allegatament daħal u ħa kontroll ta’ diversi kontijiet online tal-eks sieħba tiegħu, fosthom Facebook, Instagram, G-mail u l-eID tagħha.

Huwa ġie akkużat ukoll li qasam jew hedded li jaqsam ritratti intimi bħala forma ta’ estorsjoni, li wassal lill-vittma biex tibża’ li setgħet tintuża vjolenza kontriha, kif ukoll li fastidjaha u heddidha. L-akkużi jinkludu wkoll theddid u ħsara lill-proprjetà tagħha.

Il-koppja kienet f’relazzjoni għal erba’ snin qabel ma nfirdu f’Marzu. Il-vittma kienet tqiegħdet l-Irlanda għall-istudji tagħha u, f’perjodu diffiċli ftit qabel il-firda, il-familja tagħha flimkien mal-imputat kienu vvjaġġaw hemmhekk biex joffru sostenn.

F’dak iż-żmien, huwa allegat li talabha tħallih jiċċekkja l-mowbajl tagħha biex jara ma’ min kienet qed tikkorrispondi. Minkejja li nfirdu f’Marzu, baqgħu f’xi kuntatt u fil-5 ta’ Novembru l-ġenituri tal-vittma u l-imputat reġgħu żaruha fl-Irlanda. Matul dik il-laqgħa, il-vittma ntebħet li l-imputat kien ilu jikkuntattja nisa oħra u d-deċiżjoni li l-ftehim bejniethom jintemm darba għal dejjem ittieħdet dak il-ħin.

Ftit wara, il-vittma saret taf li diversi kontijiet online tagħha kienu nħatfu mingħajr permess u li l-passwords kienu nbidlu, tant li ma setgħetx aktar tidħol fihom. Waqt li kienet għadha fl-Irlanda, hija ppruvat tressaq rapport online lill-Pulizija Maltija, iżda dan ġie kkanċellat mill-Gmail tagħha stess — allegatament mill-imputat. Il-Pulizija ħasbu li kienet il-vittma li rtirat ir-rapport u għalhekk ma sar l-ebda segwitu.

Iktar tard, hija ressqet rapport fiżikament fil-hub tal-vjolenza domestika ta’ Santa Luċija, fejn ir-risk assessment ikklassifika s-sitwazzjoni bħala waħda mhux ta’ riskju għoli. L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx. Il-Qorti tat il-bail kontra garanzija personali ta’ €2,000 u imponiet curfew fuq ir-raġel. Talba mid-difiża għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-partijiet involuti ġiet milqugħa.

Is-sentenza se tingħata fil-25 ta’ Novembru.

L-akkuża kienet immexxija mill-Ispettur Colin Sheldon u l-Avukati Ġenerali Joseph Camilleri Azarov u Miguel Taliana, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-avukati Franco Debono u Charles Mercieca.

Il-kawża nstemgħet quddiem il-Maġistrat Ann-Marie Thake.