Lokali Parlament

L-ekonomija mhijiex tirrifletti fil-ħajja individwali tal-mara

Graziella Attard Previ, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet fil-Parlament li minkejja l-flus fil-but, ekonomija b’saħħitha u l-progress kollu li suppost għamlu n-nisa, sfortunatament ħafna drabi dan mhuwiex rifless fil-ħajja individwali tal-mara f’Malta. Ma niċħadx li l-ekonomija ta’ pajjiżna marret ’il quddiem, iżda l-mentalità paternalista għadha persistenti. Huwa għalhekk li l-pjaga tal-vjolenza domestika għadha qawwija.

Dan fil-fatt għadu kif ġie kkonfermat jumejn ilu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fejn żvela li matul l-2024 kien hemm 3.798 persuna li rrappurtaw vjolenza domestika jew għamlu użu mis-servizzi li hemm f’dan il-qasam u li minnhom 76% kienu nisa.

Dan ikompli jikkonferma li l-mara Maltija, ħafna iktar mir-raġel għadha ssofri wkoll mill-problema tal-vjolenza domestika. Din hija realtà kiefra li nsibuha l-aktar fil-konfront tan-nisa.

Hi sostniet li ftit tal-ġranet ilu r-raġel ta’ Bernice Cassar ammetta l-ħtija u weħel sentenza ta’ ħabs. Iżda kif qalu sew il-qraba tagħha, lil Bernice mhux se nġibuha lura. Il-ħajja ta’ Bernice ntilfet għal dejjem u wliedha se jitrabbew bla omm. Filwaqt li tidher li saret ġustizzja, dan mhuwiex biżżejjed u hemm bżonn ta’ ħafna iżjed inizjattivi biex titnaqqas u idealment tinqered din il-pjaga soċjali. In-nisa li qegħdin ibatu żgur li mhumiex se jimpressjonaw ruħhom mill-kliem sabiħ. Il-mara Maltija trid azzjoni konkreta li tgħinha timxi ‘l quddiem u nibża’ li dan il-budget ma jserraħx moħħ dawk il-persuni li potenzjalment huma vittmi tal-vjolenza domestika.

Graziella Attard Previ qalet li wħud mill-proposti tal-PN jinkludu l-prevenzjoni u proposti dwar il-problem mill-għeruq billi jiddaħħlu b’mod sistematiku fil-kurrikulum tal-iskejjel għarfien fuq ir-relazzjonijiet ma’ xulxin, tagħlim dwar rispett reċiproku f’relazzjoni, kif għandna nirreaġixxu meta ma naqblux, li kulħadd ugwal, strategiji ta’ kontroll tar-rabja u li jitkissru l-isterjotipi li raġel irid ikun b’saħħtu u mara hija dgħajfa.

Fir-rigward tal-Qorti, hemm bżonn li jiżdiedu n-numru ta’ magistrati li jisimgħu u jiddeċiedu każijiet ta’ vjolenza domestika, kif ukoll, il-magistrati għandhom ikollhom ir-riżorsa umana neċessarja. Min hu vittma tal-vjolenza domestika ma jistax jibqa’ jistenna fil-limbu sakemm il-każ tiegħu jinstema’ u jiġi deċiż mill-qrati. Id-dewmien esaġerat qed jagħmel inġustizzja oħra mal-vittmi tal-vjolenza domestika.

Hi qalet li l-pjan nazzjonali kontra l-vjolenza domestika għandu jinkludi l-ħolqien ta’ sistema ċentralizzata biex issegwi ordnijiet ta’ protezzjoni, li għadha ma daħlitx fis-seħħ. Bħalissa, l-informazzjoni dwar dawn l-ordnijiet hija mifruxa bejn il-Qrati, il-Pulizija u l-Aġenziji ta’ Appoġġ, mingħajr database integrata. Dan joħloq sfidi serji fil-monitoraġġ u l-infurzar, speċjalment f’każijiet ta’ riskju għoli. Għalkemm ġew introdotti miżuri bħall-panic alarms u qed tiġi diskussa l-idea ta’ electronic tagging, in-nuqqas ta’ sistema ċentralizzata jkompli jnaqqas l-effettività tal-protezzjoni. Hemm bżonn li din il-miżura tiġi prijoritizzata sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni immedjata u sigurtà akbar għall-vittmi.

Għal darb’oħra dan il-budget isemmi l-ftuħ ta’ Domestic Violence Hub fl-Imtarfa li ilha tissemma snin.

Il-PN qed jipproponi woll tibdil fil-ligi biex tagħti l-għodda lill-pulizija joffru iktar protezzjoni lill-vittmi billi ikunu jistgħu joħorġu Emergency Barring Orders immedjati, fejn l-aggressur jintalab jitlaq mid-dar u mhux is-survivor. Dan huwa wkoll skont il-Konvenzjoni tal-Istanbul li titlob li pajjiżi jintroduċu dawn l-emergency barring orders biex jipprovdu protezzjoni immedjata lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, billi jkeċċu lill-aggressur mill-abitazzjoni mingħajr ma jistenna seduta tal-qorti.

Proposta oħra tal-PN hi li l-vittmi tal-vjolenza domestika ikunu implikati mill-inqas fil-proċeduri tal-qorti. Għaldaqstant, m’għandhomx jintalbu jekk iridux jaħfru lill-aggressur, iżda l-prosekuzzjoni għandha titmexxa mill-pulizija wara li din tiġbor l-evidenza neċessarja.

Hi tkellmet dwar persuni LGBTIQ+ li qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu kenn f’Malta minħabba li f’pajjiżhom ikunu qegħdin f’periklu serju għaliex l-orjentazzjoni sesswali tagħhom tista’ twassal għal pieni ħorox ta’ ħabs, tortura jew saħansitra mewt, li mhumiex jingħataw il-protezzjoni f’Malta.

Malta tiddikjara diversi pajjiżi bħala siguri, meta d-dinja kollha taf li dawn il-pajjiżi żgur mhumiex siguri mal-persuni LGBTIQ+. Dan huwa għajb għal pajjiżna.

Id-deputat Nazzjonalista staqsiet ukoll x’sar mill-wegħdi li l-mediċini PeP u PrEP li jgħinu fit-trażżin tal-firxa tal-HIV jibdew jingħataw b’xejn. Wegħda elettorali tal-Partit Laburista li sena wara l-oħra jibqa’ jgħid li qed jaħdem fuqha, iżda ma jsir xejn.

Dwar il-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei, Attard Previ saħqet li minkejja d-dedikazzjoni tal-istaff professjonali, il-klinika mhijiex tlaħħaq mad-domanda ta’ nies li qegħdin ifittxu l-għajnuna. Is-sistema taqta’ qalb lil min jixtieq jew għandu bżonn juża s-servizzi ta’ din il-klinika. Il-PN jibqa’ jipproponi li jsir investiment akbar u li eventwalment din issir walk-in clinic. L-ugwaljanza mhijiex favur xi ħadd kontra ħaddieħor – iżda hija rebħa għal kulħadd. Jeħtieġ nibqgħu nsaħħu l-valuri ta’ rispett, solidarjetà u ġustizzja, sabiex Malta tkun verament pajjiż fejn ħadd ma jitħalla lura, sostniet Graziella Attard Previ.