Futbol Sport

L-MFA tirreferi l-każ ta’ diskrepanza ta’ flus interni lill-Pulizija

MFA
MFA

L-inkjesta interna li l-MFA kienet ħabbret li kienet qed tinvestiga, b’rabta ma’ diskrepanzi finanzjarji possibbli li ġew identifikati mid-Dipartiment tal-Finanzi tal-assoċjazzjoni, ġiet konkluża. Dan tħabbar mill-MFA permezz ta’ stqarrija, fejn qalet li r-rapport ta’ din l-inkjesta ġie ppreżentat lill-uffiċjali tal-MFA, li sussegwentement iddeċidew, fost affarijiet oħra, li jirreferuh lill-Bord Eżekuttiv tal-MFA.

Skont l-istqarrija tal-MFA, ir-rapport ikkonferma l-eżistenza ta’ diskrepanza finanzjarja li jammonta għal madwar €16,000, għalkemm ma stabbilixxiex il-kawża preċiża ta’ din id-diskrepanza.  Matul il-laqgħa tal-lum, il-Bord Eżekuttiv ġie infurmat dwar il-passi addizzjonali li ttieħdu, inkluż l-għoti ta’ rapport lill-Pulizija fl-14 ta’ Novembru 2025, ir-riferiment tal-kwistjoni lill-Kumitat tal-Finanzi biex jirrevedi u jirrakkomanda titjib fl-istrutturi ta’ governanza, kif ukoll it-tnedija ta’ proċeduri dixxiplinarji interni kontra l-individwu identifikat fir-rapport, għal allegat ksur ta’ proċeduri interni. L-istqarrija tikkonferma li din il-persuna ġiet sospiża minn meta ġie konkluż ir-rapport.

L-MFA saħqet li xtaqet tikkjarifika li, għal kontra ta’ dak li intqal f’rapporti li dehru f’ċerti midja lokali (għalkemm ma teskludix ebda possibbiltà f’dan l-istadju), ma tistax tiddikjara b’ċertezza li d-diskrepanza finanzjarja hija attribwibbli għal serq jew xi reat kriminali ieħor. 

Għaldaqstant, l-MFA spjegat li d-deċiżjoni meħuda, li din ii-kwistjoni tiġi riferuta lill-Pulizija, ittieħdet sabiex inkun hemm investigazzjoni addizzjonali ta’  superviżjoni u skrutinju.

Filwaqt li l-MFA tibqa’ miftuħa għall-iskrutinju pubbliku, tappella lill-mezzi kollha tal-midja biex jevitaw spekulazzjonijiet li jistgħu jkunu infondati jew prematuri, peress li tali kummenti ma jikkontribwixxux biex tiġi kjarifikata s-sitwazzjoni jew biex jgħinu fil-proċessi li għadhom għaddejjin.

L-MFA żiedet tgħid li bħala assoċjazzjoni sportiva tibqa’ impenjata lejn trasparenza sħiħa u titlob rapportar responsabbli hekk kif il-kwistjoni tkompli tiġi indirizzata permezz tal-istrutturi xierqa.