Nhar is-Sibt li ġej, il-Life Network Foundation se tkun qed ittella’ l-maratona bit-tema “agħti tgħanniqa” – bil-għan li jitwassal messaġġ ċar li l-abort mhux soluzzjoni, u li teżisti l-għajnuna.
Il-fondi li se jinġabru matul din il-maratona se jmorru kollha għal “Dar Tgħanniqa t’Omm” – dar li tospita nisa li jkollhom tqala mhux pjanata u li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
Din id-dar mhux biss tgħinhom billi tagħtihom post fejn jgħixu sakemm titwieled it-tarbija tagħhom iżda tipprovdilhom ukoll għajnuna psikoloġika.
Fost in-nisa li fittxew l-għajnuna tal-Life Network Foundation Malta, hemm Consielle Lia li ta’ 20 sena ħarġet tqila. U ma setgħetx tibqa’ tgħix mal-ġenituri tagħha minħabba li ma kellhomx spazju.
Hi spjegat kif f’dan il-mument diffiċli f’ħajjitha sabet lil-Life Network Foundation, li tatha l-appoġġ kollu li kellha bżonn, tul it-tqala kollha, sabiex tkompli timxi t-triq ma’ binha.
Consielle qalet illi mill-mument li saret taf li kienet tqila, skopriet x’inhi verament l-imħabba. Hija appellat biex jekk hemm xi mara li bħalissa għaddejja minn żmien diffiċli u qed tesperjenza tqala mhux pjanata ma taqtax qalbha u tfittex l-għajnuna. Consielle spjegat li kemm damet f’Dar Tgħanniqa t’Omm sabet familja oħra. U li grazzi għall-Life Network illum il-ġurnata qiegħda magħquda ma’ binha.
Intant, il-maratona se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet ta’ Net Television mis-6pm ‘il quddiem.
U l-Life Network Foundation, ħeġġet lil kulħadd sabiex jagħti l-kontribut tiegħu, ħalli jiġu salvati aktar trabi.
//= $special ?>

