Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo osservat b’mod qawwi li l-Qorti ma tistax tifhem għaliex raġel tressaq b’dawn l-akkużi meta l-iskop tiegħu kien li jipproteġi lil ibnu. Filwaqt li kkritikat b’mod qawwi lill-prosekuzzjoni hija saħqet li taħt dawn iċ-ċirkostanzi kien hemm “diffikultà kbira biex tifhem eżatt fejn tinsab l-intenzjoni kriminali”.
Il-Qorti rrimarkat li dan kien każ fejn instabu data bħal ritratti, vidjows u tfittxijiet fuq Google li kienu inkwetanti u potenzjalment ta’ ħsara permanenti għall-minuri, u li anke l-minuri stess kellu aċċess għalihom.
F’dan il-kuntest, il-Qorti qalet li l-unika persuna li setgħet tipproteġi lill-minuri kienet il-missier stess, l-imputat, u għalhekk insistentement wissiet lill-prosekuzzjoni biex teżerċita prudenza estrema meta tressaq każijiet simili. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti lliberat lil missier li mhux talli ma wettaq l-ebda reat iżda għamel minn kollox biex ibnu jkun protett.
Il-Qorti sostniet li dak li kien qed jagħmel il-missier bid-data importata kien biss tentattiv biex iressaq quddiem il-Qorti tal-Familja prova ta’ effetti negattivi li l-omm setgħet kienet qed tħalli fuq il-minuri — l-unika istituzzjoni li setgħet tipprovdi r-rimedju. Il-Maġistrat temmet tgħid li dan ma jistax, bl-ebda mod, jitqies bħala skop illeġittimu.
Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma biex tiġi protetta l-familja, l-iktar il-minuri kien akkużat li bejn Frar 2021 u x-xhur ta’ qabel allegatament għamel diversi użi mhux awtorizzati minn data, software u dokumentazzjoni elettroniċi.
L-akkużi kienu jinkludu li daħal u uża data minn apparat elettroniku, li ħa pussess minnha, li kkopjaha għal mezzi oħra u li ħareġ informazzjoni minn fuq il-computer jew tablet mingħajr awtorizzazzjoni. Il-proċeduri bdew wara rapport li sar fil-5 ta’ April 2021 mill-parte civile, li allegatament kienet qed issofri fastidju mill-eks sieħeb tagħha, l-akkużat.
Hi qalet li waqt sessjoni ta’ medjazzjoni dwar il-kustodja tat-tifel tagħhom, AB urieha ritratti indiċenti tagħha li kienu nstabu fuq tablet li kien jintuża mit-tifel. Jirriżulta li l-Google account tal-istess mara kien baqa’ aċċessibbli fuq it-tablet, li inizjalment kien inxtara għat-tifel fl-2020.
Fil-provi nstabu screenshots, ritratti u filmati, fosthom vidjo ta’ raġel li juru parti minn ġismu quddiem minuri, kif ukoll tfittxijiet fuq Google li l-Qorti ddeskriviet bħala “serjament inkwetanti”. L-imputat kien ikkonferma li meta rċieva lura t-tablet mill-investigaturi, żammu ġewwa kexxun u ntuża b’mod sporadiku minn uliedu, sakemm induna b’dawn il-kontenuti.
Peress li kien għaddej proċess fil-Qorti tal-Familja dwar il-kura tat-tifel, huwa qal li ressqet dawn l-informazzjonijiet lill-avukata tiegħu sabiex jiġu mgħoddija lill-Qorti tal-Familja. Id-difiża sostniet li l-każ kollu kontra l-imputat huwa mibni fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ fatti li fil-verità kienu ġenerati minn sitwazzjoni ta’ protezzjoni tal-minuri, u mhux minn għan kriminali.
L-ewwel punt li rrimarkat id-difiża kien li l-imputat uża d-data, ritratti u informazzjoni sensittiva mhux biex iweġġa’, jivvilifika jew jattakka lill-parte civile – il-mara – iżda esklussivament biex jippreżenta prova lill-Qorti tal-Familja biex jipproteġi lil ibnu minuri minn influwenza jew ambjent li seta’ jkun ta’ ħsara għalih.
Il-Qorti, madankollu, iddikjarat li mhux se tieħu konjizzjoni tal-istqarrija li kienet ittieħdet mingħand il-mara, minħabba li għażlet li ma tixhidx u għamlet użu mid-dritt tagħha taħt l-Artikolu 633(2) tal-Kodiċi Kriminali.
Il-Maġistrat spjegat li, fid-dawl ta’ dan, u peress li d-difiża ma kinitx f’pożizzjoni tikkontro-eżamina lil mara, l-istqarrija tagħha għandha tiġi skartata, skont ġurisprudenza stabbilita. Dan ifisser li l-Qorti kellha tistrieħ biss fuq dak li kien regolarment ammissibbli fil-provi.
Fost il-provi li għandha quddiemha, il-Qorti elenkat l-estrazzjoni tad-data ppreżentata mill-prosekuzzjoni, ix-xhieda tal-membri tal-Pulizija li investigaw il-każ, inkluż l-Ispettur Joanna Piscopo, kif ukoll l-istqarrija u x-xhieda tal-imputat innifsu. Barra minn hekk, ġew prodotti diversi dokumenti mill-proċeduri tal-Qorti tal-Familja, fosthom ittri mibgħuta minn avukati u atti relatati mal-kura u l-kustodja tal-minuri.
Filwaqt li l-prosekuzzjoni insistiet li l-użu tad-data kien mhux awtorizzat u li l-imputat ma kellux dritt jaċċessa jew jikkopja informazzjoni sensittiva mill-apparat, id-difiża kompliet tenfasizza li d-data nstabet fuq tablet li kien jappartjeni lit-tifel, li kien intuża minn membri tal-familja inkluż minuri, u li l-kontenut inkwetanti tħalla aċċessibbli mhux mill-imputat iżda mill-istess parte civile meta ħalliet il-Google account tagħha miftuħ fuq l-apparat tat-tifel.
Il-każ, li jmiss aspetti ta’ protezzjoni tal-minuri, użu tad-data, u interpretazzjoni tal-intenzjoni kriminali, għadu għaddej quddiem il-Maġistrat Farrugia Frendo li se tkompli teżamina jekk l-atti mwettqa mill-imputat jistgħux jaqgħu taħt il-qafas tal-liġi kriminali jew jekk, kif tgħid id-difiża, kienu miġjuba biss għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Familja bħala provi ta’ sitwazzjoni ta’ riskju potenzjali għat-tifel.
//= $special ?>

