Missier ta’ 41 sena u ibnu ta’ 16-il sena, it-tnejn minn Ħaż-Żebbuġ, tressqu quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake akkużati li nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru, bejn nofsinhar u s-1pm, ikkawżaw feriti gravi lil raġel ieħor, ħadu sehem fi ġlieda u allegatament attakkaw b’mod attiv lill-vittma li spiċċa bi ġrieħi gravi. Il-missier ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest filwaqt li ibnu ngħata l-pleġġ.
Huma ġew ukoll akkużati li ħolqu reat li ma seħħx sabiex jibdew proċeduri kriminali, li ħebbew għall-allegat vittma, kif ukoll li ħarġu barra mil-limiti tal-provokazzjoni. L-akkużi jinkludu wkoll kompliċità fit-tentattiv ta’ delitt u li qerdu traċċi ta’ reat.
Il-każ seħħ fil-14 ta’ Novembru għall-ħabta tal-1.15pm, meta f’zona ta’ ristoranti viċin xulxin f’Ħaż-Żebbuġ, ir-raġel allegatament ġie aggredit b’mod gravi u kellu jittieħed l-isptar, fejn instab li sofra ksur f’imnieħru.
Il-prosekuzzjoni qalet li kienu l-akkużati li għamlu r-rapport li kienu ġew aggrediti minn raġel iżda minn filmati tal-inċident, irriżulta li r-rapport inizjali ma kienx korrett u li l-akkużati ma kinux attakkati, iżda kienu huma li attakkaw. Il-prosekuzzjoni żiedet tgħid li wara l-arrest kien hemm kuntatt bejn membri tal-familja tal-akkużati u l-vittma biex ir-rapport jiġi rtirat.
Id-difiża, immexxija mill-avukati Alfred Abela, Franco Debono u Mario Mifsud, opponiet it-talba biex jinżammu arrestati. Dr. Abela argumenta li l-omm tal-minuri kienet lesta tidħol bħala terz garanti u li ġiet identifikata residenza alternattiva f’Ħal Qormi.
Żied li t-tnejn lest li jintrabtu li ma jersqu qatt lejn Ħaż-Żebbuġ u li jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet stretti, fosthom ordni ta’ superviżjoni. Huwa sostna li l-inċident seħħ ġimgħa ilu u li ma hemm ebda biża’ ta’ tfixkil għall-provi, speċjalment peress li l-footage jinsab ippreservat għand il-Pulizija u li l-akkużati mhumiex nies b’fedina penali problematika.
Dr. Franco Debono, min-naħa tiegħu, irrimarka li l-episodju ġara sitt ijiem qabel l-arrest u staqsa għalfejn ittieħdu sitt ijiem biex jitressqu l-Qorti. Huwa nnota li l-aqwa prova hija l-filmat u mhux ix-xhieda tal-vittma, filwaqt li l-akkuża li rrendew ruħhom kompliċi hija vaga.
L-Avukat Debono fakkar li l-missier għandu biss żewġ każi antiki fil-fedina penali tiegħu – ksur ta’ paċi pubblika ta’ 23 sena ilu u każ żgħir tal-2004 – u li matul is-sitt ijiem qabel l-arrest ma seħħ xejn li jindika riskju.
Il-prosekuzzjoni nnotat li d-dewmien fit-tressiq kien dovut għal rapport falz li kien sar u għal fatt li l-vittma kienet l-isptar, u sostniet li r-riskju għall-kontaminazzjoni tal-provi jibqa’ reali. L-avukat Mario Mifsud enfasizza l-età żgħira tal-minuri, li għadu kemm spiċċa mill-iskola u beda jaħdem.
Wara li semgħet il-partijiet kollha, il-Qorti qalet li, peress li l-vittma għadu ma xehedx u li teżisti biża’ reali ta’ tfixkil tal-provi, kienet se tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-missier. Madankollu, fil-każ tal-minuri, li għandu 16-il sena, il-Qorti aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’kundizzjonijiet stretti.
Ingħad li għandu joqgħod Ħal Qormi, jiddepożità l-karta tal-identità u l-passaport fil-Qorti, u jiffirma kuljum fl-Għassa ta’ Ħal Qormi. Ġiet imposta curfew li jobbligah ikun id-dar sas-6am u ma joħroġx wara l-10.00pm, kif ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-Qorti ordnat depożitu ta’ €1,000 permezz ta’ terz garanti li hija l-omm u €5,000 oħra bħala garanzija personali. Il-minuri għal ebda raġuni ma jista’ jersaq lejn Ħaż-Żebbuġ.
L-avukat Valentina Cassar dehret għall-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Ispettur James Mallia mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Arthur Azzopardi deher bħala parte civile.
//= $special ?>

