Lokali Qorti

Mixli li bagħat sensiela ta’ messaġġi lill-eks sieħba u kiser ordni ta’ protezzjoni

Każ li jinvolvi raġel ta’ 31 sena minn Raħal Ġdid li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-qorti fejn tressaq akkużat li fastidja lill-ex sieħba tiegħu, li kiser ordni ta’ protezzjoni, u li wettaq reat waqt li kien diġà soġġett għal ordni ta’ superviżjoni.

Ir-relazzjoni bejn il-koppja kienet damet sena u nofs u ntemmet wara episodji ta’ vjolenza domestika li għalihom l-akkużat kien diġà nstab ħati. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, fis-6 ta’ Novembru kienet ġiet imposta fuqu ordni ta’ trażżin ta’ sentejn biex il-vittma tkun protetta.

Minkejja dan, bejn is-6 u d-19 ta’ Novembru, il-vittma rrappurtat lill-pulizija li rċeviet diversi messaġġi mingħandu fuq Telegram, Instagram u anke permezz tal-app Revolut. Il-messaġġi ma kinux jinkludu theddid iżda l-fatt biss li kkuntattjaha kien diġà biżżejjed biex jikkostitwixxi ksur tal-ordni ta’ trażżin, peress li l-ordni tipprojbih minn kull forma ta’ kuntatt magħha.

Dan wassal ukoll biex jitqies li kiser l-obbligi tiegħu taħt l-ordni ta’ superviżjoni li kellu diġà. L-akkużat ammetta l-akkużi minnufih u l-prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, ma oġġezzjonatx għall-ħelsien tiegħu minħabba l-ammissjoni bikrija tiegħu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ann-Marie Thake, tatu l-pleġġ b’depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ ħamses t’elf u ħames mitt ewro. Barra minn hekk, ħarġet ordni ta’ protezzjoni ġdida favur il-vittma biex tiġi assigurata s-sigurtà tagħha. Il-Qorti nfurmat lill-partijiet li se tkun qed tieħu konjizzjoni ral-pre-sentencing report fid-29 ta’ Jannar li ġej.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti ħatret uffiċjal tal-probation sabiex jipprepara rapport qabel is-sentenza, biex ikun hemm stampa aktar ċara ta’ kif qed jimxi l-akkużat u jekk hemmx prospett realistiku ta’ riabilitazzjoni. Din hija pass komuni f’każijiet fejn il-Qorti trid tifhem kemm hemm riskju ta’ ripetizzjoni u kif jistgħu jiġu mħarsa l-interessi tal-vittma fil-futur.