Opinjoni

OPINJONI: Is-sondaġġ li ħoloq aktar paniku

L-aħħar sondaġġ tal-MaltaToday li qed jara l-partiti resqin lejn xulxin wara distakk enormi ta’ voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali
Ma għandi ebda dubju li bħala partit we shall continue rising to the occasion u nkomplu nibnu viżjoni politika ġdida

Angelo Micallef

Il-Ħadd li għadda l-gazzetta MaltaToday ħarġet sondaġġ li fih ħareġ li skont l-aħħar stħarriġ li kien sar mill-istess gazzetta d-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi l-kbar kien ta’ 7,602 voti li jfisser żieda ta’ 0.2% għall-Partit Nazzjonalista u tnaqqis ta’ 0.1% għall-Partit Laburista minn fuq l-istħarriġ preċedenti mill-istess ġurnal.
Dan l-istħarriġ sar wara t-tħabbira tal-baġit mill-Gvern Laburista u allura fil-qilla tal-propaganda Laburista moħbija bħala kampanja ta’ informazzjoni mill-Gvern imħallsa mit-taxxi tagħna lkoll.
Il-MaltaToday ilha numru ta’ snin sew tagħmel sondaġġi elettorali. Dawn is-sondaġġi spiss taw vantaġġi kbar lill-Partit Laburista. Sondaġġi li spiss kienu s-suġġett ta’ diskussjoni nazzjonali li forsi mhux dejjem kienet pjaċevoli għall-Partit Nazzjonalista. Il-fatt li dawn is-sondaġġi qatt ma fittxew li jkunu xi pultruna komda għall-Partit Nazzjonalista jew għall-Partit Laburista jixhed li dawn is-sondaġġi huma msejsa fuq prinċipji xjentifiċi sodi u mhumiex imsejsa minn xi aġenda biex tagħmel il-pjaċiri lil xi ħadd.

Il-Partit Laburista u l-aħħar stħarriġ
L-aħħar stħarriġ jidher li ma niżel xejn tajjeb mal-Partit Laburista. Smajna kull xorta ta’ skuża; min attakki fuq il-kredibbiltà tal-MaltaToday għal mistoqsijiet fuq in-numri intiżi biss biex jiskredaw ir-riżultat. Naturalment kien hemm min fil-Partit Laburista ħa angolu ieħor u wissa li l-istampa li toħroġ mir-riżultat hija waħda li l-Partit Laburista għandu jieħu bħala twissija ċara. Taħlita ta’ reazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar turi biss partit konfuż li bħal donnu indeċiż jekk jibdiex jifhem li qiegħed jinqata’ min-nies u qiegħed jinqata’ mir-realtà tal-poplu u mill-isfidi ta’ kuljum li qegħdin jiffaċċjaw lin-nies jew ikomplix bin-narrativa distruttiva fil-konfront ta’ kull min b’xi mod jiskomoda lill-Partit Laburista.

Fit-triq it-tajba, imma rridu nkomplu naħdmu
Naturalment il-Partit Nazzjonalista jiżbalja jekk jieħu xi attitudni trijonfalista fid-dawl ta’ dan is-sondaġġ kif stqarr sew il-Kap tal-Partit Alex Borg. Is-sondaġġ jagħti stampa pożittiva; juri li ninstabu fit-triq it-tajba imma finalment iħallina fl-o ppożizzjoni. Il-fatt li ninstabu fit-triq it-tajba naturalment ifis-ser li għandna nieħdu sens ta’ enerġija min dan ir-riżultat, nkomplu nxammru l-kmiem u nkomplu għaddejin bil-ħidma politika.
Huwa ċar li l-politika pożittiva tal-Partit Nazzjonalista qegħda tilħaq in-nies u qegħda tispira lin-nies. Huwa ċar li l-bibien miftuħa tal-Partit Nazzjonalista qegħdin jaraw Nazzjonalisti li forsi fl-aħħar snin kienu tilfu l-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista jirritornaw b’enerġija u ħeġġa ġdida u qegħdin anke jaraw nies tradizzjonalment ta’ fehma Laburista li issa qegħdin isibu fil-Partit Nazzjonalista dar politika ġdida.
Huwa ċar li l-politika tal-Partit Nazzjonalista li jfittex kostantament li jkun viċin in-nies qegħda twassal sabiex il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jibda jasal għand in-nies. Huwa ċar li din il-politika pożittiva qegħda tħasseb lill-istrateġisti politiċi tal-Partit Laburista li żgur ser jagħmlu minkollox biex jippruvaw joħolqu narrativa negattiva u distruttiva.

Viżjoni politika li tispira fiduċja
Huwa għalhekk kruċjali li nżommu l-focus tagħna; inżommu d-dixxiplina politika fil-ħidma tagħna u nkomplu bil-ħidma tant tajba li għaddeja biex nibnu viżjoni politika li tispira l-fiduċja tal-poplu. Ir-riżultat tas-sondaġġ għandu jkun biss konferma li ninsabu fit-triq it-tajba; però nkunu biss wasalna ġaladarba pajjiżna jibda paġna ġdida bi Gvern Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg. U anke f’dak il-punt imbagħad ikun fadal triq twila, anzi ħafna itwal għaliex imbagħad ikun jeħtieġ li tibda l-ħidma biex il-bidla titwettaq u sabiex pajjiżna jingħata nifs ġdid.
M’għandi ebda dubju li fil-jiem li ġejjin il-paniku fil-Partit Laburista se jkompli jiżdied. Se nkomplu naraw xita ta’ attakki isteriċi fuq il-midja Laburista, li prattikament illum il-ġurnata saret tinkludi lill-PBS. Se nkomplu naraw mossi biex joħolqu smokescreens fi strateġija ċara ta’ diversion tactics. Ugwalment m’għandi ebda dubju li bħala partit we shall continue rising to the occasion u nkomplu nibnu viżjoni politika ġdida.

Ritmu politiku mgħaġġel
Fil-ġimgħat li ġejjin il-politika tnaqqas xi ftit mir-ritmu tagħha hekk kif jibdew il-ġimgħat tal-festi tal-Milied. M’għandi ebda dubju li l-bidu tas-sena 2026 se jaraw ħidma intensiva ħafna hekk kif ir-ritmu politiku żgur ser jaqbad ritmu mgħaġġel ferm.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 20 ta’ Novembru, 2025.