Mark A. Sammut Sassi
Meta kont tifel, fil-bidu tas-snin ’80, fil-kamra tas-sodda kelli żewġ posters relattivament kbar, meħudin mill-ġurnal ta’ televiżjoni, mużika u ċinema, Sorrisi e Canzoni. Wieħed kien il-poster ta’ Bambino, mill-film Trinità, l-ieħor ta’ Sandokan… l-ewwel wieħed Bud Spencer, l-ieħor Kabir Bedi. Jiġifieri jien qattajt tfuliti bil-posters ta’ attur Taljan u ieħor Indjan mal-ħajt ta’ kamarti.
Filwaqt li Bud Spencer (ismu veru, Carlo Pedersoli) miet daqs 10 snin ilu ta’ 86 sena, Kabir Beda għadu ħaj, għandu 79 sena. Ħa sehem f’bosta films u sensiliet televiżivi, minn film ta’ James Bond sa The Bold and the Beautiful. Imma fl-Ewropa l-aktar li hu magħruf hu għall-personaġġ li interpreta ta’ Sandokan, it-Tigra tal-Mależja, prinċep mix-xlokk tal-Asja li kien jissielet kontra l-Ingliżi għall-ħelsien ta’ pajjiżu, Mompracem, avolja jitlef għaqlu meta jinnamra minn Ingliża bjonda sbejħa.
Ismu jfakkrek f’qaddis – ‘San Dokan’: bħal San Filep, San Ġużepp, San Ġorġ, San Bastjan, u l-bqija. Sandokan, it-teleserje diretta mill-kbir Sergio Sollima (1921-2015), kien imsejjes fuq rumanzi Taljani ta’ Emilio Salgari (1862-1911) tal-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. Barra dwar Sandokan, Salgari kiteb rumanzi oħrajn magħrufin, fosthom tal-Kursar l-Iswed (Il Corsaro Nero) li Kabir Bedi wkoll interpreta fil-films Taljani.
Verità storika jew stħajjil rumanzesk?
Hemm min jaħseb li Sandokan hu kompletament frott l-istħajjil ta’ Salgari – fil-fatt, iżda, kif jgħallem Vittorio Sarti, espert dwar Salgari, l-istorja ta’ Sandokan hi mibnija fuq stejjer veri rakkontati minn missjunarju nofsu Taljan, nofsu Spanjol kien jismu Carlos Cuarteroni (1816-1880) li żar il-Borneo, fejn sab l-iskjavitù u ħruxijiet kbar. L-Ingliżi jaħtu ħafna għall-ħruxijiet u r-razziżmu li kien u għad hemm f’dawk l-inħawi tal-Asja. L-iskjavitù għadha hemmhekk sal-lum il-ġurnata. Bħalma għadha hemm l-ideoloġija kolonjali razzjali u razzista.
Fir-rumanzi tiegħu, Salgari ħallat fatti li ġraw realment ma’ għemejjel maħluqin mill-istħajjil tiegħu. Fir-rumanzi ambjentati fil-Mależja u fl-Indja, bil-protagonisti prinċipali Sandokan, Yanez u Tremal-Naik, u bħala antagonisti prinċipali ir-‘Rajah abjad’ ta’ Sarawak, James Brooke, il-potenzi kolonjali, il-kapijiet u s-slaten lokali u avventurieri Ewropej oħrajn, il-kuntest hu dak tal-espansjoni kolonjali Ewropea fix-xlokk tal-Asja u fl-Indja bejn l-1845 u l-1875.
Il-verità storika
L-istejjer ta’ Sandokan huma essenzjalment distillazzjoni tal-esperjenza kiefra u ta’ tbatija u kompletament vera ta’ popli li sfgħu vittmi tal-intriċċi bejn is-slaten u l-bankiera Indjani u tal-imperjaliżmu Ingliż.
Il-Gran Britannja bniet ħafna mill-kobor u l-għana tagħha fuq il-ġid li ddirottat (biex ma ngħidx “serqet”) mill-Indja u mix-Xlokk tal-Asja. Ix-xmajjar ta’ ġid li kienu jipproduċu dawk l-inħawi tad-dinja tnixxfu u tqaxqxu mill-Ingliżi, l-ewwel mill-East India Company (maħluqa fl-1600 u xolta fl-1874) u mbagħad mill-kuruna Ingliża, meta r-Reġina Vittorja – dik li għad għandna statwa tagħha fil-qalba tal-belt kapitali tagħna – saret l-Imperatriċi tal-Indja.
Il-faqar li hemm illum fl-Indja u fix-Xlokk tal-Asja hu kollu, jew kważi, riżultat tal-imperjaliżmu u r-rgħiba tal-Ingliżi. Hemm ġustizzja storika kbira fil-migrazzjonijiet enormi ta’ Indjani u Ażjatiċi oħrajn ta’ dawk l-inħawi tal-kontinent lejn il-Gran Britannja. U hemm ġustizzja storika akbar li l-Ingliżi kellhom Prim Ministru Indjan u l-Iskoċċiżi Prìomh Mhinistear Pakistani.
Fiż-żmien meta l-Gran Britannja kienet qed tuża l-grass tal-ġid Indjan biex tillubrika l-industriji tagħha, Malta kienet isservi ta’ bażi navali li tipproteġi r-rotot li bil-baħar kienu jġonġu l-Indja mal-Gran Britannja. Malta kienet ukoll stazzjon fejn il-vapuri jieqfu għall-faħam u l-provvisti fi triqithom minn u lejn Swejż u minn u lejn Ġibiltà.
Il-flus minn fuq dahar it-tbatija tal-Indjani, mhux aħna għamilniehom, imma l-Ingliżi. Waqt li huma nqdew b’artna għall-iskopijiet imperjalisti tagħhom, lil missirijietna kienu jgħadduhom biż-żmien jagħtuhom kostituzzjoni llum u jeħduhielhom l-għada. L-istorja rridu niftakruha, biex nifhmu minn fejn ġejna u lejn fejn sejrin.
Jekk l-Ingilterra mtliet bil-popli ta’ dawk li kienu l-kolonji tagħha, ma jfissirx li bilfors aħna wkoll irid ikollna l-istess destin. Aħna, bħall-Indjani, konna sfruttati u umiljati. Fit-Tieni Gwerra lill-mexxejja Maltin internawhom l-Uganda. Wara l-Gwerra, Malta ma rat lanqas id-dell ta’ sold imtaqqab wieħed mill-Marshall Aid Plan.
Qed nikteb dan kollu għax dal-pajjiż mill-mentalità kolonjali għadu ma ħariġx; għandna Stat li jaħdem tista’ tgħid għalkollox bl-Ingliż.
Hu żball madornali…
…li nikkupjaw lill-Ingliżi f’kollox. L-Ingliżi għandhom dejn materjali u morali enormi ma’ dawk li kienu l-kolonji tagħhom. Aħna m’aħniex midjunin ma’ dawk li kienu kolonji Ingliżi.
Biex nibnu mudell ekonomiku ġdid, mhux imsejjes fuq l-isfruttament tal-Ażjatiċi (jew il-ħlas lura tad-dejn morali magħhom), irridu noħorġu mill-mentalità li nikkupjaw f’kollox lill-Ingliżi.
M’għandniex xi ngħidu, mhux lakemm.
Imma din hi l-isfida. Il-Labour żgur nieqes kemm mill-ħila kemm mir-rieda politika li joħroġna mill-mudell ekonomiku li tqannejna bih proprju minħabba fil-ħolma irresponsabbli ta’ Muscat (u tad-dixxiplu fidil tiegħu Abela) li Malta ssir Dubaj fil-Mediterran. Minkejja dan, irridu nsibu t-triq li toħroġna mil-labirint li dal-irresponsabbli daħħluna fih.
Is-sigla ta’ Sandokan, tal-duwo Taljan Oliver Onions, hi waħda mill-isbaħ melodiji li niftakar minn tfuliti. F’mument ludiku, qlibt l-ewwel ftit versi tagħha. Wara ftit waqtiet tifli kliemha, verament tistħajjilha talba lil qaddis fittizju jismu San Dokan:

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 20 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

