L-Italja se tkun qed tilgħab fis-semi-finali tal-play-offs għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Irlanda ta’ Fuq. F’każ li l-Italja tirbaħ, se tkun qed tilgħab il-partita deċiżiva kontra r-rebbieħ tas-semi-finali l-oħra f’Path A, bejn Wales u l-Bożnija-Ħerżegovina.
Illum saru magħrufa l-poloz tal-play-offs kollha, li għandhom iwasslu biex f’Marzu li ġej, jintlagħbu dawn il-logħob, li minnhom jintlew l-aħħar sitt postijiet vakanti fost il-finalisti tal-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja. S’issa għadna 42 pajjiż li aċċertaw minn post fost il-pajjiżi finalisti, fl-akbar turnament dinji tal-futbol, li għall-ewwel darba se jkun qed jiġi organizzat bejn tliet pajjiżif fl-Amerika ta’ Fuq; il-Kanada, il-Messiku u l-Istati Uniti.
Mis-sitt postijiet li għadhom iridu jintlew, erbgħa minnhom huma għal pajjiżi Ewropej. Għal dan l-istadju tal-play-offs, hemm ikkwalifikaw 16-il pajjiż mill-kontinent Ewropew. Dawn ġew maqsuma f’erba’ gruppi, b’kull grupp l-ewwel ikollu żewġ semi-finali fuq logħba waħda, bir-rebbieħ ta’ kull semi-finali, jilgħab il-finali fuq logħba waħda.
F’Path B, l-Ukrajna se jilgħabu kontra l-Iżvezja, filwaqt li l-Polonja, li kienu fil-grupp ta’ Malta, se jkunu qed jaffrontaw lill-Albanija.
F’Path C, it-Turkija se tilgħab fis-semi-finali kontra r- Rumanija, filwaqt li fis-semi-finali l-oħra, is-Slovakkja telgħet biex tilgħab kontra l-Kosovo.
F’Patch D, id-Danimarka se tkun qed tilgħab kontra l-Maċedonja, filwaqt li ċ-Ċekja se tkun qed taspira li tikseb post fil-finali ta’ dawn il-play-offs, meta l-ewwel se tilgħab kontra l-Irlanda.
Intant iż-żewġ postijiet l-oħra, biex b’hekk ikunu magħrufa t-48 pajjiż finalist tat-Tazza tad-Dinja 2026, se jkunu qed jiġu deċiżi permezz ta’ żewġ play-offs bejn il-bqija tal-konfederazzjonijiet l-oħra tal-FIFA.
F-ewwel play-off, il-Ġamajka se jilgħabu kontra New Caledonia, bir-rebbieħ fuq partita waħda, jilgħab il-finali kontra l-Kongo.
Fit-tieni play-off, li tiġbor il-bqija tal-konfederazzjonijiet l-oħra tal-FIFA, il-Bolivja se tilgħab l-ewwel kontra s-Surinam, u r-rebbieħ ta’ din il-logħba, imur biex jilgħab il-konfront deċiżiv għal post mal-bqija tal-finalisti l-oħra tat-Tazza tad-Dinja, kontra l-Iraq.
Dawn il-partiti kollha se jintlagħbu lejn l-aħħar ta’ Marzu, b’kull semi-final se tintlagħab nhar il-Ħamis, 26 ta’ Marzu, filwaqt li l-finali, f’jum li se jkunu magħrufa f’daqqa min se jkunu l-aħħar sitt pajjiżi li se javvanzaw għall-finali tat-Tazza tad-Dinja, se jintlagħbu nhar it-Tlieta, 31 ta’ Marzu.
//= $special ?>

