Il-Prim Ministru Robert Abela ma jafx jew qed jaħrab milli jwieġeb dwar meta l-Gvern se jippreżenta pjan għat-trasport tal-massa f’pajjiżna. Dan wara li suppost ilu mill-2022 jaħdem fuq dan il-proġett – li kien wegħda elettorali.
Meta kien affaċjat b’mistoqsijiet li sarulu mill-ġurnalisti matul il-jum tal-Ħamis, wara laqgħa tal-Kabinett, Robert Abela lanqas biss ried jgħid kemm ħallsu lil ARUP s’issa bl-istudji li saru. L-ARUP huma l-konsulenti barranin li kien qabbad Abela qabel l-elezzjoni – u li issa qed jaħdmu mill-ġdid fuq pjan rivedut għat-trasport tal-massa, biex il-Gvern jipprova jsib tarf tal-kriżi tat-traffiku li ħakmet lil pajjiżna.
Robert Abela qal ukoll li preżentament għadhom għaddejjin l-istudji biex jaraw jekk dan il-proġett huwiex vijabbli għal pajjiżna. Meta fil-verità, tliet snin ilu kien diġa’ webbel lin-nies li kapaċi ssir sistema ta’ metro – fejn saħansitra kien hemm anke tinda fid-daħla tal-Belt Valletta, li kważi kważi kienet tidher li qisha stop tal-metro.
Wieħed irid ifakkar li sa ftit tal-ġimgħat ilu, il-Ministru Clyde Caruana esprima xettiċiżmu dwar il-proġett tat-trasport tal-massa; tant li anke fil-Budget kienet għaddiet tiegħu, hekk kif il-proġett tat-trasport tal-massa ma ssemma imkien.
Intant, fl-aħħar ġimgħat il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irrimarka fuq l-importanza li jsir l-istudju meħtieġ bil-għan li dan il-proġett isir realtà tant li anke saħaq li hu lest li jiffirma Memorandum of Understanding biex meta jinbidel il-Gvern kollox jibqa’ għaddej kif pjanat – bi qbil nazzjonali – sabiex ma jkunx hemm dewmien esaġerat.
Il-PN ilu żmien twil jitkellem fuq il-ħtieġa ta’ sistema moderna. Iżda l-istrateġija tal-Gvern dejjem kienet biss ibbażata fuq il-pjan li jwessa’ t-toroq – pjan li sfaxxa kompletament, għaliex mhux jagħti riżultati.
//= $special ?>

