Lokali

Ryan Portelli ta’ 22 sena jirbaħ il-Young Farmers Award

Ryan Portelli, ta’ 22 sena, rebaħ l-ewwel premju fil-11-il Kungress Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ organizzata mill-EPP.

Portelli ġie nnominat mill-MEP Peter Agius għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett pilota Syneco, ikkordinat minn Chris Ciantar, li qed jipproponi soluzzjonijiet innovattivi dwar kif l-iskart tal-majjali u l-baqar jista’ jinbidel f’enerġija u fertilizzant – approċċ li jsaħħaħ is-sinerġiji ambjentali u l-ekonomija ċirkolari.

Din kienet l-ewwel darba li kandidat Malti ġie nnominat għal dan il-premju. L-MEP Peter Agius spjega li ħass il-bżonn jinnomina lil Portelli minħabba li huwa essenzjali li jingħaraf ir-rwol importanti tal-bdiewa fit-twessigħ tal-għanijiet ambjentali u fil-ħarsien tas-sigurtà alimentari f’Malta.

Il-kungress, li sar fil-Parlament Ewropew fi Brussell, fetaħ nhar l-Erbgħa b’indirizz mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li enfasizzat il-ħtieġa li l-Ewropa tappoġġa aktar liż-żgħażagħ biex jidħlu fl-agrikoltura, billi tisma’ l-ħtiġijiet tagħhom u tindirizzahom permezz tal-politika u l-finanzjament.

Meta rċieva l-premju, Portelli qal li r-rebħa tiegħu hija rebħa għall-komunità agrikola Maltija kollha: “Għandi unur kbir nirċievi dan il-premju li qed naċċetta f’isem il-bdiewa Maltin kollha. Aħna determinati li naraw l-agrikoltura tkompli tikber b’mod sostenibbli f’Malta. Irridu niżguraw li proġetti bħal dan, li jibdew mill-bdiewa u jistgħu jiżviluppaw f’soluzzjonijiet nazzjonali, jiġu appoġġati. Irridu wkoll niżguraw li l-bdiewa jingħataw biżżejjed ħin biex jadattaw għar-realtajiet il-ġodda.”