Raġel li kien kellu 14-il rapport tal-pulizija miġbura kontrih ġie kkundannat sena ħabs wara li ammetta li kien qed jittanta nies fix-Xlendi. L-akkużat, Ibrahim Chibi, tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex u ġie mixli li wettaq fastidju bejn Ġunju u Novembru tal-2025. Kontra tiegħu kien hemm ukoll akkużi li kien fis-sakra f’post pubbliku u li kiser il-paċi pubblika.
Chibi ammetta l-akkużi kollha. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ikkunsidrat in-natura tal-offiżi, il-kondotta kriminali preċedenti tiegħu u l-ammissjoni bikrija. Osservat ukoll li fl-aħħar ġimgħat kien hemm 14-il rapport lill-pulizija dwar diversi allegazzjonijiet kontra l-istess raġel.
Il-Qorti qalet li, fl-interess tas-soċjetà, kien xieraq li tkun protetta minn individwi bħal Chibi, u għalhekk ikkundannatu għall-piena ta’ sena ħabs. Barra minn hekk, irrakkomandat lill-Prinċipal Uffiċjal tal-Immigrazzjoni biex Chibi jiġi deportat wara li jiskonta s-sentenza ta’ ħabs tiegħu. L-Ispettur tal-Pulizija Keith Xerri wieġeb għall-prosekuzzjoni.
//= $special ?>

