Il-futbol Malti reġa’ jinsab f’luttu għall-mewt ta’ eks plejer ieħor tat-tim nazzjonali Malti, li fis-snin 70 lagħab 11-il darba bil-flokk ta’ Malta. David Azzpopardi, eks plejer fost l-oħrajn ta’ Sliema Wanderers, miet fl-etá ta’ 72 sena.
Azzopardi, magħruf aħjar bħala ‘il-Fufina’, kien wieħed mill-plejers Slimiżi li kelli sehem fir-rebħ fost l-oħrajn ta’ żewġ Kampjonati fis-snin 70. Fir-rwol ta’ midfielder, Azzopardi rebaħ il-Kampjonat ma’ Sliema Wanderers fl-istaġun 1971/72 u t-tieni wieħed fl-istħun 1975/76.
Azzopardi, li kien ukoll partitarju ta’ Sliema Wanderers, rebaħ ukoll l-FA Trophy darba fl-istaġun 1973/74, u t-Tazza tal-Indipendenza darbtejn fl-istaġun 1973/74 u 1975/76.
Hu kellu debutt mill-aqwa mat-tim nazzjonali Malti fejn l-ewwel logħba tiegħu kienet fil-famuża rebħa li Malta kienet rebħet kontra l-Greċja fi Frar tal-1975. Dak in-nhar, taħt it-tmexxija ta’ Terenzio Polverini, Azzopardi kien beda’ il-partita mill-ewwel minuta iżda kien mibdul fil-bidu tat-tieni taqsima ma’ Carlo Seychell, f’dik li kienet waħda mill-aqwa partiti u riżultati miksuba minn Malta matul iż-żmien meta konna ksibna rebħa ta’ 2-0 fl-Empire Stadium.
B’kollox lagħab 11- il partita ma’ Malta, u Azzopardi kif beda’ ma’ Malta għamel l-istess fl-aħħar logħba internazzjonali tiegħu meta f’logħba ta’ ħbiberija kontra t-Tuneżija kien lagħab il-partita sħiħa f’logħba li kienet intemmet 1-0.
Azzopardi lagħab ukoll 11-il darba ma’ Sliema Wanderers f’partiti tal-Ewropa u saħansitra skorja darba. F’Settembru tal-1975, Sliema Wanderers kienu telgħu biex jilgħabu kontra Sporting tal-Portugall fit-Tazza UEFA.
Fl-ewwel partita li kienet ntlagħbet f’Malta, Azzopardi kien skorja l-gowl tad-draw kważi mas-70 minuta, bl-avversarji ta’ Sliema Wanderers skorjaw il-gowl tar-rebħa fid-89 minuta permezz ta’ Manuel Fernandes.
Fost partiti oħra memorabbli li Azzopardi lagħab ma’ Sliema Wanderers, f’Settembru u Ottubru tal-1980, hu kien lagħab fiż-żewġ partiti li l-blues kienu lagħbu fit-Tazza UEFA kontra l-qawwa ta’ Barcelona.
Azzopardi lagħab ukoll ma’ Sliema Wanderers f’rebħiet storiċi fl-Ewropa, fosthom fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Turun Palloseura tal-Finlandja, fl-1976 f’konfront validu mit-Tazza taċ-Champions, kif ukoll f’rebħa oħra kontra avversarji Finlandiżi ukoll, Lahden Reipas fl-1974 fil-kompetizzjoni tat-Tazza tat-Tazzi. Dak in-nhar Sliema Wanderers kienu rebħu 2-1.
Apparti ma’ Sliema Wanderers, Azzopardi lagħab ukoll għal xi żmien ma’ Msida St Joseph.
Azzopardi kien irtira minn plejer fit-tmiem tal-istaġun 1981/82.
Il-funeral ta’ Azzopardi se jsir għada, il-Ġimgħa, fil-Knisja tal-Karmnu tal-Balluta, fid-9:30am.
Net News isellem lil Azzopardi u jestendi l-kondoljanzi sinċiera lill-familjari kollha tiegħu.
//= $special ?>

