Lokali

Tittella EXPO dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni

L-EXPO tar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2025 serva bħala ċelebrazzjoni tal-ekosistema dejjem tikber tar-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta. L-avveniment laqqa’ flimkien riċerkaturi, studenti u partijiet ikkonċernati biex jesploraw aktar minn 35 proġett ta’ riċerka li tlestew permezz ta’ finanzjament ta’ Xjenza Malta, u li jkopru oqsma tematiċi varji fosthom l-ekonomija blu u ekoloġika, is-sostenibbiltà, is-saħħa u l-benesseri, l-inġinerija u l-ICT.

Il-wirja saret f’kollaborazzjoni ma’ Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza ta’ Xjenza Malta, bl-għan li jissaħħaħ it-tixrid tal-għarfien u l-involviment pubbliku fir-riċerka. Is-sessjoni ta’ filgħodu kienet iddedikata għall-istudenti sekondarji u postsekondarji, li kellhom l-opportunità jinteraġixxu direttament mar-riċerkaturi u jiskopru l-impatt tar-riċerka fuq il-ħajja ta’ kuljum.

Il-programm kellu format ta’ panel dwar kif ir-riċerka innovattiva tista’ titwassal b’mod effettiv għall-kummerċjalizzazzjoni u għal benefiċċji ekonomiċi u soċjali tanġibbli. Fost il-panelists kien hemm rappreżentanti mill-akkademja, mill-industrija u mill-gvern.

Matul l-avveniment ġie mxandar għall-ewwel darba filmat dokumentarju li wera l-istorja u l-impatt ta’ aktar minn 35 proġett ta’ riċerka appoġġati permezz ta’ għaxar programmi differenti ta’ Xjenza Malta. Il-film juri l-firxa, id-diversità u r-rilevanza tal-ħidma tar-riċerkaturi Maltin.

Din l-edizzjoni tal-EXPO introduċiet ukoll l-ewwel Premjijiet ta’ Eċċellenza għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li rrikonoxxew erba’ kisbiet ta’ eċċellenza f’oqsma differenti. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri,  ippreżenta l-premjijiet u għalaq l-avveniment fejn enfasizza l-valur tal-innovazzjoni u tal-kollaborazzjoni.

L-EXPO tar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2025 ikompli jafferma l-missjoni ta’ Xjenza Malta li trawwem kultura ta’ suċċess, innovazzjoni u impenn pubbliku permezz tax-xjenza u t-teknoloġija.