Internazzjonali

Ukrajna: L-ebda ftehim xieraq mingħajr is-sehem tal-Ewropa

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ uffiċjali Amerikani tal-Pentagon waslu fl-Ukrajna biex jiddiskutu l-isforzi lejn it-tmiem tal-gwerra tal-Ukreni mar-Russja.

Dan ikkonfermah il-militar Amerikan illi spjega li d-delegazzjoni, immexxija mis-Segretarju tal-Armata Amerikana, Dan Driscoll, kellha taħditiet mal-Prim Ministru tal-Ukrajna.

L-indikazzjonijiet huma li l-Istati Uniti u r-Russja, flimkien, ippreparaw abbozz ġdid intiż għall-konklużjoni tal-gwerra. U li fost l-oħrajn jesiġi għal konċessjonijiet kbar min-naħa tal-Ukrajna.

Għalkemm Zelensky għamilha ċara li mhux se jċedi t-territorju ta’ pajjiżu lir-Russja, il-proposta tenfasizza li l-Ukrajna bilfors trid taċċetta dan il-pass bħala kundizzjoni għall-paċi…Kundizzjoni oħra li qed jinsisti dwarha Putin hi biex l-Armata Ukrena tonqos drastikament mid-daqs preżenti.

Filwaqt li l-Ukreni bl-ebda mod mhuma lesti li jaċċettaw dawn it-terminu umiljanti, ir-rapporti qalu li l-abbozz tħejja minn Steve Witkoff, bħala r-Rappreżentant tal-President Amerikan Donald Trump u minn Kirill Dmitriev, bħala r-Rappreżantant tal-Kremlin.

Madankollu, la l-Istati Uniti u lanqas ir-Russja ma kkonfermaw dan il-pjan b’mod uffiċjali.

Fl-istess ħin, iżda, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, sostna li l-Ukrajna u r-Russja jridu t-tnejn jaqblu rigward il-konċessjonijiet diffiċli iżda neċessarji biex ikun hemm il-paċi.

Dan meta l-Istati Uniti qed tikkonsulta ma’ Moska u Kiev biex tiżviluppa lista ta’ ideat għall-konklużjoni ta’ konflitt li ilu għaddej minn Frar tal-2022.

Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, Kaja Kallas, qalet li l-Ewropa trid tkun parti minn kwalunkwe proċess u inizjattiva – jekk għandu jirnexxi pjan għall-paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja.

Dan filwaqt li l-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, qal li l-Ukrajna ma trid l-ebda forma ta’ ftehim li bih ikollha ċċedi parti minn artha minbarra li jkollha tissapporti umiljazzjoni storika.

Sadanittant, il-Prim Minsitru Svyrydenko, wara l-laqgħat mal-Uffiċjali Amnerikani, ma indirizzatx din it-tema. Hi qalet biss li ż-żjara tad-delegazzjoni għolja tal-Istati Uniti fi Kiev ipprovditilhom l-opportunità biex jevalwaw is-sitwazzjoni f’din il-fażi tal-gwerra filwaqt li jaraw b’għajnejhom il-konsegwenzi tal-aggressjoni tar-Russja.