Lokali Transport

Vjaġġ b’karozza tal-linja jieħu tlett darbiet aktar minn vjaġġ b’karozza privata

Vjaġġ b’karozza tal-linja jieħu tlett darbiet aktar minn vjaġġ b’karozza privata; minkejja li l-maġġoranza tar-residenti jgħixu ftit minuti bogħod minn bus stop.

Dan ħareġ minn rapport li sar b’rabta mal-pjan nazzjonali għas-settur tat-trasport f’pajjiżna, illi rrimarka li minkejja l-investiment li sar, it-trasport pubbliku f’pajjiżna qed jaffaċċja diffikultajiet kbar – tant li ħafna nies xorta għadhom jippreferu li jivjaġġjaw bil-karozza privata tagħhom.

Fir-rapport ġie spjegat li n-nuqqas ta’ karreġġjati dedikati għal tallinja qed jirriżultaw fi vjaġġi ferm itwal. Tant li r-rotot jispiċċaw jittardjaw sew fl-agħar ħinijiet tat-traffiku hekk kif il-karozza tal-linja qed tispiċċa fl-istess traffiku tal-karozzi.

Intqal ukoll li l-medja ta’ vjaġġ b’karozza tal-linja f’pajjiżna huwa ta’ madwar 44 minuta, filwaqt li vjaġġ medju b’karozza huwa ta’ madwar 14-il minuta – dejjem skont dan id-dokument li ħareġ il-Gvern.

Hawnhekk, ir-rapport enfasizza fuq il-fatt li jekk il-Gvern ifalli milli jieħu azzjoni immedjata, il-vjaġġi bil-karozza tal-linja se jkomplu jitwalu fil-ħin bis-servizz mhux se jkun wieħed li tista’ torbot fuqu. U għalhekk, b’konsegwenza ta’ dan, aktar nies jispiċċaw jirrikorru għall-karozza.

Fost l-isfidi li qed jaffaċċja t-trasport pubbliku hemm il-fatt li inqas minn terz tal-bus stops preċiżament 29% għandhom l-ilqugħ – bil-kumplament ma joffru l-ebda tip ta’ ilqugħ. U għalhekk in-nies ikollhom jistennew f’xemx tiżreġ jew xita qliel.

Dan apparti l-fatt li 4.5% biss tal-bus stops joffru informazzjoni dwar kemm baqalha tal-linja biex tasal.

Jissemma’ wkoll li l-maġġoranza tal-bus stops ma joffrux post adegwat fejn jistgħu jieqfu fit-triq bil-konsegwenza li karozza tal-linja jkollha tieqaf f’nofs tat-triq biex tiġbor il-passiġġieri.