Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali ħarġet sentenza li tiddikjara li l-ħati tal-qtil Andy Calleja ta’ 45 sena minn Ħaż-Żabbar għandu jingħata l-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-parole wara li jservi 25 sena mill-ħabs għal għomru li kien kkundannat.
Il-qorti qalet li l-esklużjoni assoluta tal-priġunieri kkundannat għall-ħajja mill-eliġibbiltà għall-parole tammonta għal trattament inuman taħt il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Calleja ilu miżmum fil-ħabs minn meta ġie arrestat fl-14 ta’ Novembru 2001 u fl-2004 kien ikkundannat għall-omiċidju volontarju u serq aggravatt f’rabta mal-qtil tal-Kuntistabbli Roger Debattista waqt serqa fil-fergħa tal-Bank of Valletta f’Ta’ Farsina, Ħal Qormi.
Fl-2004, Andy Calleja, ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs wara li ammetta li fit-12 ta’ Novembru 2001 qatel lill-Kuntistabbli Roger Debattista waqt hold-up li hu u tlieta oħra kienu qed jagħmlu fuq il-fergħa tal-Bank of Valletta f’Ħal Qormi.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat il-ħabs perpetwu fid-9 ta’ Ġunju 2005. Huwa kien ġie mixli flimkien ma’ tliet ko-akkkużati, Mario Borg, Mark George Falzon u Ian Galdes. Il-Qorti Kriminali kienet ikkonkludiet li l-qtil kien intenzjonat u mmotivat minn skop finanzjarju, u rrimarkat li l-uffiċjal tal-pulizija kien l-ewwel midrub u mbagħad sparalu mill-qrib f’parti vitali, azzjoni deskritta bħala kruha li wasslet għall-mewt ta’ uffiċjal waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Mill-kundanna ’l hawn, Calleja baqa’ jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u ngħata wkoll diversi pieni oħra ta’ żmien fiss—li jvarjaw minn sitt xhur sa ħames snin u xahrejn – għandhom jittieħdu konsekuttivament mas-sentenza ta’ ħabs perpetwu.
Huwa kien ingħata sentenza ta’ 10 xhur oħra priġunerija mill-Maġistrat, illum Imħallef, Natasha Galea Sciberras wara li nstab ħati li kellu l-eroina fiċ-ċella. Fil-każ dwar id-droga, Calleja kien mixli li fl-24 ta’ Jannar 2007 kellu fil-pussess tiegħu l-eroina, kif ukoll li kiser diversi sentenzi tal-Qrati.
Waqt spezzjoni fiċ-ċella f’Diviżjoni 6, fejn fiha kien hemm l-akkużat u ħabsi ieħor, Calleja ntlemaħ idaħħal idu x-xellugija fil-but. Kif kien se joħroġha, wieħed mill-Gwardjani ħataflu idu u tefgħu fuq is-sodda. Il-Gwardjan innota xi ħaġa taqa’ minn id Calleja u xħin ġabarha rriżulta li kienet borża tal-plastik b’materjal ta’ lewn griż.
Fiċ-ċella nstabu wkoll biċċiet tal-karti miftuħin, li kellhom il-forom u l-liwja tal-qratas, biċċiet tal-foil maħruqa f’kaxxa tal-ħadid li tintuża għas-sigarri u biċċa pajp tal-kartun użat. Mill-analiżi tal-espert Godwin Sammut, irriżulta li d-droga kienet eroina b’piż ta’ 3.07g u purità ta’ 14%.
Il-kawża kostituzzjonali tressqet wara li l-awtoritajiet irrifjutaw li jqisuh eliġibbli għall-parole, billi talbu l-Artikolu 10(3)(g) tal-Att dwar il-Ġustizzja Restorattiva li jeskludi kompletament lill-priġunieri kkundannati għal għomorhom.
Calleja sostna li sentenza ta’ ħabs perpetwu mingħajr ebda mekkaniżmu ta’ reviżjoni tikser id-dritt li wieħed ma jiġix soġġett għal trattament inuman jew degradanti. L-Istat argumenta li s-sentenza kienet ġiet imposta b’mod legali wara process ġust, u tenna l-gravità tar-reat, il-periklu li Calleja għadu jirrappreżenta għas-soċjetà u l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-ħsarat li saru lill-vittma, lill-familja tiegħu u lill-Korp tal-Pulizija.
Il-qorti, iżda, qalet li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni jeżiġi li kull sentenza ta’ ħabs perpetwu tkun “riduttibbli”, jiġifieri li għandu jeżisti mekkaniżmu ta’ reviżjoni minkejja l-gravità tar-reat. Għalhekk, il-projbizzjoni assoluta tal-parole għal dawk bil-ħabs perpetwu tikser id-drittijiet fundamentali ta’ Calleja.
Il-qorti ċċarat li l-fatt li Calleja jsir eliġibbli biex japplika ma jfissirx li l-Bord tal-Parole jkun obbligat iħollu. Dan jibqa’ kompletament fid-diskrezzjoni tal-bord. Il-Qorti wkoll ċaħdet it-talba ta’ Calleja li l-perjodu ta’ 25 sena jibda jingħadd mid-data tal-arrest fl-2001 u ddikjarat li għandu jibda mid-data meta s-sentenza saret definittiva, jiġifieri 9 ta’ Ġunju 2005.
Is-sentenza tispiċċa billi tordna li Calleja jkun jista’ japplika għall-parole wara li jtemm il-perjodu ta’ ħamsa u għoxrin sena minn dik id-data. Id-deċiżjoni finali dwar jekk jingħatax, u taħt liema kundizzjonijiet, tibqa’ f’idejn il-Bord tal-Parole taħt il-kapitolu legali eżistenti.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li, flimkien mal-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ reviżjoni għall-priġunieri bil-ħabs perpetwu, l-Istat għandu jsaħħaħ il-programmi ta’ riabilitazzjoni u jkompli jpoġġi l-vittmi fiċ-ċentru tal-proċess ġudizzjarju.
Il-kawża nstemat quddiem il-Maġistrat Ian Spiteri Bailey, u Calleja kien irrappreżentat mill-avukati Josè Herrera u David Camilleri.
//= $special ?>

