Lions Club Imdina – Malta Host ippreżentaw donazzjoni ta’ Vann Peugeot 9 seater Electric lill-Komunità Terapewtika ta’ San Blas.
F’din l-aħħar sena Lions Club Imdina għamlu serje ta’ attivitajiet li bihom setgħu jiġbru biżżejjed fondi biex jinxtara vann 9 seater għall-użu tal-komunitajiet terapewtiċi ta’ San Blas.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, irringrazzja lill-President ta’ Lions Club Judith Debono tal-impenn qawwi li wriet flimkien mal-kumitat u l-membri kollha ta’ Lions Club Imdina ta’ din il-ħidma bla waqfien biex finalment inxtara dan il-Vann Peugeot Expert. “Għall-Komunità ta’ Caritas dan il-vann ifisser li se joffri iktar sapport lill-istruttura tal-programm. Joffri l-faċilità li l-komunità joħorġu kollha flimkien u anki għall-bżonnijiet oħra li d-dar jista’ jkollha bżonn.” Temm jgħid is-Sur Gatt.
Judith Debono, President ta’ Lions Club Imdina, spjegat li meta hi flimkien ma’ membri oħra kienu għamlu żjara f’San Blas, kienu impressjonati bil-ħidma li ssir mar-residenti. “Ħassejna li dawn persuni li jixraqilhom id-dinjità kollha u għamilna dak kollu possibbli biex xtrajna dan il-vann li llum qed ngħaddu ċ-ċavetta tiegħu għall-użu tal-komunità.” Qalet dan filwaqt li rringrazzjat lil Michael Attard li jimporta l-Peugeot f’Malta li kien ta’ sapport kbir biex dan il-vann jasal saż-żmien mixtieq biex jgħaddi lil Caritas u wkoll irringrazzjat lil Andrè Borg ta’ Billboard Malta li offra li jagħmel l-istickers fuq il-vann.
Għal din il-preżentazzjoni kienu preżenti wkoll ir-residenti tal-Male Shelter, li jkunu fil-fażi residenzjali ta’ preparazzjoni qabel jgħaddu għall-programm terapewtiku ta’ San Blas. Wieħed mir-residenti esprima: “Fit-triq min jaf kemm-il darba ħassejtni bħal stray dog li kulħadd iwarrabni, illum bil-presenza ta’ dawn il-persuni li ħadu ħsieb jagħmlu dan ix-xogħol kollu għalina, sħabi u jien inħossuna stmati u rispettati.”
//= $special ?>
