Il-Qorti ma sabitx ħati lil Bernard Dingli, dilettant tal-logħob tan-nar u liċenzjat għal aktar minn 20 sena, wara li qieset li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx biżżejjed li kien negliġenti meta allegatament qabbad nirien li nfirxu lejn għalqa ta’ ġar tiegħu u weġġgħu xi żwiemel.
L-inċident li dwaru kien akkużat kien suppost seħħ fit-11 ta’ Ġunju 2018 fi Sqaq tal-Kanoku, l-Imqabba. Is-sid tal-għalqa u ż-żwiemel, Anthony Curmi, xehed li dakinhar kienet qamet ħuġġieġa fl-għalqa maġenb tiegħu li mbagħad infirxet lejn tiegħu, u li meta mar biex isalva d-debba tiegħu valur ta’ €4,000 sabha mimlija demm u tieħu n-nifs bi tbatija.
Huwa qal li ra lil Dingli u oħrajn fil-post u akkużahom li qabdu l-ħaxix, iżda Dingli wieġeb li n-nar kien fl-għalqa tiegħu. Curmi għamel diversi rapporti lill-pulizija u sostna li l-għada sab ħsarat oħra, fosthom ħuxlief jaħraq u ħsara lis-sistema tal-ilma.
Il-veterinarju li eżamina l-mara sagħtejn wara l-allegat inċident qal li kienet dgħajfa u b’saqajha l-leminija minfuħa, iżda Curmi qatt ma ħadha biex jittieħdilha scan kif rrakkomandat mill-istess veterinarju. Min-naħa tiegħu, Dingli qal li kien qed jaħraq ħaxix mejjet fl-għalqa tiegħu bħala parti mit-tħejjijiet għal logħob tan-nar u li qabel bdew ix-xogħol ġew assigurati li r-riħ kien jonfoħ fid-direzzjoni opposta għall-għalqa ta’ Curmi.
Ix-xhieda tal-Protezzjoni Ċivili kkonfermat li nirien oħra seħħew fit-16 ta’ Ġunju, iżda ma nnotat ebda żiemel ferut. Il-Qorti rrimarkat li ħafna mix-xhieda kienu jirreferu għat-16 ta’ Ġunju u mhux għall-11, li kien il-jum imniżżel fil-kap tal-akkuża, u għalhekk ma setgħux jittieħdu inkonsiderazzjoni.
Dan, flimkien man-nuqqas ta’ prova li r-riħ kien qed jonfoħ lejn l-għalqa ta’ Curmi jew li d-debba ndarbet fl-istess ġurnata tal-akkuża, wassal biex il-Qorti tiddikjara li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Konsegwentement, il-Maġistrat Astrid May Grima illiberat lil Dingli mill-akkużi, bil-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Charlotte Curmi.
//= $special ?>

