Lokali

Fish Fridays: Skola waħda fil-ġimgħa biss se tirċievi l-ħut

Wara ħafna pompa dwar l-inizjattiva ‘Fish Fridays’ fl-iskejjel tal-Gvern, issa ġie kkonfermat li se jkun qed jitqassam il-ħut fi skola waħda biss kull ġimgħa.

Cioè, se tkun skola waħda biss madwar Malta u Għawdex li tirċievi konsenja ħut – darba fil-ġimgħa – għat-tfal li jattendu.

Dan ġie mħabbar b’entużjażmu, mis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, li permezz ta’ video fuq il-facebook tagħha, ikkonfermat illi din l-inizjattiva se tkun qed issir biss fi skola waħda kull ġimgħa – differenti ferm mill-propaganda li wassal il-Gvern stess fl-aħħar jiem.

Dan ifisser illi matul is-sena, se jkun hemm skejjel li probabbilment lanqas se jmisshom darba dawn il-ħut, għaliex f’pajjiżna hawn ferm aktar skejjel minn ġimgħat fis-sena skolastika.

Għalhekk numru sostanzjali ta’ skejjel se jitilfu ċ-ċans li jkollhom ‘Fish Fridays’ fl-iskejjel tagħhom. U dejjem skont kif spjegat Alicia Bugeja Said, se jkollhom jistennew sas-sena li ġejja.

Dan meta fil-Budget, il-Ministru tal-Finanzi kien ta l-impressjoni li minn issa….l-istudenti fl-iskejjel pubbliċi se jibdew jieklu l-ħut kull nhar ta’ Ġimgħa. Xi ħaġa li żgur mhux se tiġri.