Lokali Qorti

Ġlieda familjari twassal għal multa u ordni ta’ protezzjoni

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ikkundannat lil raġel ta’ 63 sena mill-Imqabba għall-akkuża li hedded u inġurja liż-żewġ kuġini tiegħu aħwa, f’inċident li seħħ fl-29 ta’ Lulju 2020 f’għalqa fl-Imqabba.

Il-każ, li jmiss kwistjonijiet ta’ tensjoni familjari li ilha sejra s-snin, u kollox inqala’ meta l-imputat allegatament beda jgħaddi insulti u kliem ta’ theddid minn wara ċ-ċint li jifred il-proprjetajiet. Skont ix-xhieda mogħtija fil-Qorti, l-aħwa kienu fl-għalqa tagħhom biex jieħdu ħsieb iż-żwiemel waqt wirja tan-nar.

Huma rrakkontaw li l-imputat beda jgħajjat lejhom, u ripetutament qal li “jitfgħahom il-qabar lanqas jekk jmur il-ħabs”. L-aħwa sostnew li l-imputat dam sejjer għal madwar siegħa u b’hekk iddeċidew li jirrekordjaw bil-mobile tagħhom dak li kien qed jingħad. Dawn il-recordings, flimkien ma’ filmati minn kamera fis-sit, ġew ippreżentati lill-Qorti.

Il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll dokumenti dwar sentenzi oħra tal-imputat, iżda l-Qorti ma laqgħetx it-talba biex l-akkużat jitqies bħala reċediv. Dan għaliex waħda mis-sentenzi ċċitata kienet għadha taħt appell meta saru l-akkużi, u għalhekk ma setgħetx titqies bħala definittiva.

Fil-verdett tagħha, il-Qorti rrimarkat li r-recordings juru b’mod ċar vuċi ta’ raġel jagħmel kliem ta’ theddid u disprezz, u għalhekk qieset l-ewwel akkuża – dik ta’ theddid u inġurja – bħala ppruvata. Huwa ġie meħlus mill-akkuża ta’ reċidiva iżda nstab ħati tal-ewwel akkuża u weħel multa ta’ €58.23.

Barra l-multa, il-Qorti tat ukoll ordni ta’ protezzjoni kontra Spiteri ai termini tal-Artikolu 383 tal-Kodiċi Kriminali, billi rabtitu b’garanzija personali ta’ €2,000 għal sena. Matul dan il-perjodu, huwa mistenni li ma jinkwietax, ma jimmolestax u lanqas ma jindirizza b’kliem offensiv lil aħwa kuġini. L-ismijiet mhumiex jixxandru biex jiġu protetti l-familjari kollha. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Janetta Grixti.