Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tordna li jerġa’ jinstema’ każ dwar allegata theddida fuq żball proċedurali tal-Ewwel Qorti

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ordnat li jerġa’ jinstema’ każ kriminali kontra Paul Montebello wara li sabet li l-Ewwel Qorti żbaljat meta ddikjarat l-azzjoni kriminali bħala preskritta mingħajr ma tat lill-prosekuzzjoni ċ-ċans tippreżenta dokument importanti.

Montebello kien mixli li f’Marzu 2023 hedded jew inġurja lil Emanuel Ciantar waqt inċident f’Wied Ħażrun, ir-Rabat. Madankollu, f’Settembru li għadda l-Qorti tal-Maġistrati lliberatu wara li qieset li l-każ kien preskritt, għax il-prosekuzzjoni ma kienet ippreżentat l-ebda riferta dwar in-notifika taċ-ċitazzjoni.

L-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza u sostna li l-Qorti tal-Maġistrati qajmet il-kwistjoni tal-preskrizzjoni minn jeddha, mingħajr ma avżat lill-partijiet u mingħajr ma tat opportunità effettiva lill-prosekuzzjoni tippreżenta r-riferta nieqsa jew tagħmel sottomissjonijiet fuq il-punt.

Il-Qorti tal-Appell qablet ma’ dan l-argument u qalet li l-ewwel Qorti kellha tissosspendi l-proċess u tħalli lill-partijiet jirreaġixxu qabel tasal għall-konklużjoni. Il-Qorti qalet ukoll li, kieku tassew dehrilha li l-azzjoni kienet preskritta, kellha sempliċement tiddikjarah hekk u mhux tidħol tiddikjara n-nuqqas ta’ ħtija tal-imputat.

B’riżultat ta’ dan, is-sentenza tal-liberazzjoni ġiet revokata u l-każ se jerġa’ jmur quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sabiex jinstema’ mill-ġdid, bil-Qorti tal-Appell tenfasizza li l-partijiet għandhom jibqgħu igawdu mid-dritt tad-“doppio esame”.

Il-proċess kriminali kontra Montebello għalhekk mhu mitmum xejn, u l-każ issa jerġa’ jinfetaħ mill-punt li kien wasal qabel ingħatat is-sentenza annullata.