Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ikkundannat lil Moira Micallef, uffiċjal fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi, għal multa ta’ €300 wara li nstabet ħatja li fil-Milied tas-sena 2021 għamlet offiża fuq kollega tagħha, Maria Dolores Mallia, u kkaġunatilha ġrieħi ħfief waqt argument fuq il-post tax-xogħol.
Il-każ imur lura għall-25 ta’ Diċembru 2021 għall-ħabta tat-8pm., meta nqala’ argument bejn Mallia u żewġ uffiċjali tad-detenzjoni – l-imputata Moira Micallef u r-raġel tagħha Adolph Micallef – wara li Mallia kienet kitbet fil-logbook li Adolph kisser kitla waqt ġlied ma’ residenti.
Skont ix-xhieda tal-parte civile, Moira Micallef daħlet irrabjata fil-kamra, bdiet tgħajjat u li fl-aħħar tagħta daqqa ta’ ponn f’wiċċha. Aktar tard, meta Mallia kienet bilqiegħda, l-imputata reġgħet daħlet fil-‘guard room’ u tagħta daqqa oħra ta’ harta u bil-ponn taħt l-għajn.
Mallia marret tippreżenta rapport lill-pulizija u ġiet eżaminata minn tobba li ċċertifikaw li sofriet ġrieħi ħfief, fosthom fuq ix-xufftejn, li kellha nefħa u ‘black eye’ li damu aktar minn ġimgħa biex ifiqu. Diversi xhieda, fosthom uffiċjali tad-detenzjoni li kienu fuq il-post, kkonfermaw li raw lil Micallef tolqot lill-vittma fil-‘guard room’.
Wieħed minnhom qal li nħasad hekk kif ra lill-imputata tolqot lil Mallia u nnota d-demm fuq imnieħer il-vittma. Xhud ieħor irrakkonta kif l-imputata kienet irrabjata u li hu kellu jitlaq mill-kamra fuq ordni tagħha u ta’ żewġha, biex ma jindaħalx.
Id-difiża sostniet li l-ħin tal-allegat reat ma kienx ċar, iżda l-Qorti qieset li mill-provi rriżulta li l-argument seħħ bejn is-7.30pm u t-8.00pm, qrib ħafna tal-ħin indikattiv miżmum fl-akkuża. Il-Maġistrat Grima rrimarkat li x-xhieda tal-parte civile u tal-uffiċjal ‘in charge’ Anthony Fenech kienu konsistenti u sostanzjali.
Wara li eżaminat l-evidenza kollha, il-Qorti kkonkludiet li l-ewwel kap ta’ akkuża – li l-imputata kkaġunat ġrieħi ħfief lill-vittma – kien ippruvat sal-grad meħtieġ mil-liġi. Għaldaqstant, Micallef kienet immultata €300. L-akkuża ta’ inġurja jew theddid ma ġietx trattata fil-verdett finali, peress li l-prova magħmula kienet tirrigwarda primarjament l-aggressjoni fiżika.
//= $special ?>

