Lokali

Kritika għall-fatt li l-PBS għażel l-AI fuq l-artisti lokali

“Il-PBS għandu jippromovi s-settur kreattiv mhux jissostitwixxih.”

Dan hu dak li ħareġ mill-editorjal tal-gazzeta Malta Indipendent b’reazzjoni għall-fatt li l-PBS ipproduċa l-music video tal-kanzunetta li ser tkun qed tirrappreżenta lill-pajjiżna fil-Junior Eurovision fit-13 ta’ Diċembru li ġej, permezz tal-AI.

Fil-fatt l-editorjal kritika bil-kbir lill-PBS għall-fatt li dan il-music video huwa magħmul kollu milll-inteliġenza artifiċjali; bl-editorjal jikkundanna l-PBS għall-fatt li fi kliem l-editur issostitwixxa l-kreattivita ta’ bosta artisti.

L-editorjal spjega li filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li l-AI qed ikompli jgħin fl-effiċjenza f’bosta setturi, però l-fatt li dan il-music video sar bl-intelliġenza artifiċjali l-istess editorjal isejjaħ din il-manuvra bħala waħda medjokri minħabba li mit-taxxi tal-poplu mhux qed jibbenefikaw artisti lokali li kapaċi jtellgħu dan it-tip ta’ xogħol.

Bl-enfasi ssir fuq il-fatt li 220 artist u organizzazzjonijiet ippublikaw ittra ffirmata indirizzata lil din l-istituzzjoni pubblika, bi preokkupazzjoni ċara – dik li qed jiġu mitfugħa fil-ġenb atturi, kantanti, żeffiena, desinjaturi u nies tekniċi fost l-oħrajn.

Intant, l-editorjal għalaq billi saħaq li istituzzjoni pubblika bħall-PBS, li tiġi ffinanzjata mit-taxxi tal-poplu kollu, għandha d-dover li tagħti l-aqwa servizzi u opportunitajiet lill-istess nies li jħallsu t-taxxi biex ix-xandir nazzjonali jopera kif suppost.

Bl-editorjal jisħaq li l-PBS ma jistax jingħaqad ma’ forzi li qed jimminaw xogħol artistiku, b’riżultat li jżommu s-settur artistiku f’pajjiżna lura.