Illejla u għada, fit-8pm, se jsiru l-aħħar rappreżentazzjonijiet tal-monologu ĠUF, bil-protagonista prinċipali tkun l-attriċi brava Sarah Camilleri. ĠUF għandu kitba u direzzjoni ta’ Mario Micallef, magħruf sew għal numru ta’ monologi li għamel b’suċċess f’teatri differenti fis-snin li għaddew.
L-istorja ġġibna wiċċ imb wiċċ mal-ħajja kumplessa ta’ mara li għaddiet minn ħajja ferm diffiċli. ĠUF hu monologu qawwi u dirett li jolqot il-qalb b’esperjenza personali unika u profonda.
Dan ix-xogħol jirrakkonta l-vjaġġ imqanqal u kulurit ta’ mara li kellha sa minn età żgħira ħafna. Hi tirrakkonta ħajjitha, li ftit li xejn kienet sabiħa. Dan il-monologu hu interpretat minn attriċi waħda, li se tagħti l-ħajja lil din l-istorja. Storja fejn sabet ruħha f’dinja differenti u perikoluża ta’ vjolenza domestika, prostituzzjoni, droga, diżappunti u esperjenzi oħra xejn sbieħ. Biss, hemm waqtiet ta’ tama u mħabba ukoll.
Dan il-monologu joffri lill-udjenza, mhux biss storja, iżda esperjenza emozzjonali li tinħass tul il-monologu. Il-kitba tal-istorja żżomm lill-udjenza attenta u ssegwi b’attenzjoni sal-aħħar…..Għatxana li tkun taf aktar. L-aħħar rappreżentazzjonijiet se jkunu llejla u għada fi Blue Box at M Space Theatre, l-Imsida, fit-8pm.
Booking minn www.bluebox.com.mt. Jistgħu jattendu persuni ’l fuq minn 14-il sena.
XI KUMMENTI:
Manuel Cauchi: It-titlu huwa Ġuf… L-ewwel ħsieb li jaħbat ma moħħok huwa bidu ta’ kreazzjoni b’dak kollu li hu pożittiv u mimli tama li ħlejqa ġdida twiegħed li ġġib magħha. Imma l-kitba ta’ Mario Micallef f’dan il-monologu tagħtina rakkont pjuttost differenti. It-tama hemm qiegħda, l-għatx għal dak li jnebbaħ l-imħabba u ġustizzja wkoll imma kif ta’ spiss jiġri, jaqa’ dell ikrah ta’ dik li tista’ tkun ir-realtà tal-ħajja. Realtà li taf tkun kiefra u li twassal għal azzjoni ħarxa li taf tmur kontra dak kollu li l-ħajja stess taf tnebbaħ. Hekk jiġrilha Angele, il-protagonista ta’ dan il-monologu maħdum b’mod għaqli u kontrollat minn Sarah Camilleri. Tul ħajjitha, Angele daqet biss l-imrar ta’ missier li jsawwat lil ommha u jabbuża minn uliedu fost lista sħiħa ta’ nuqqasijiet li jinsġu din l-istorja.
Angele wara li tgħaddi minn dan kollu, tasal għat-twelid ta’ mara ġdida li ssaffiet mill-imrar kollu li kellha tgħaddi minnu.
Joe Chircop: Attendejt għall-ewwel rappreżentazzjoni tal-monologu ĠUF. Script miktub b’Malti kontemporanju u mexxej, li jżommok fuq ix-xwiek sal-aħħar mumenti. Prosit tassew ukoll tad-direzzjoni. Ma nistax minn qalbi ma ngħidx prosit kbira lill-attriċi Sarah Camilleri li kienet konvinċenti mill-bidu sal-aħħar b’kull tonalità, kull espressjoni u kull moviment. Attriċi tabilħaqq brava. Prosit lil Mario Micallef għal biċċa xogħol oħra ta’ livell għoli ħafna. Awguri għal li jmiss.
Francis Cassar: Attendejt għall-ewwel rappreżentazzjoni tal-monologu ĠUF, b’kitba u direzzjoni tal-bravu Mario Micallef u interpretazzjoni eċċellenti mill-attriċi Sarah Camilleri. Monologu qawwi li laqqagħna ma’ diversi esperjenzi profondi fil-ħajja personali ta’ din il-mara. Għalkemm hija storja fittizja, wieħed għandu jżomm f’moħħu li s-sitwazzjonijiet li għaddiet minnhom din il-persuna, faċilment jistgħu jirriflettu r-realtà. Dak li jqanqal il-monologu huma emozzjonijiet u riflessjonijiet qawwija u ta’ natura serja, minħabba l-fatt li jitfa’ dawl fuq kwistjonijiet personali u soċjali li kull individwu fir-realtà jista’ jgħaddi minn esperjenzi simili. It-tama tispikka fil-kapaċità umana li minkejja dak kollu li għaddiet minnu din il-mara, xorta baqgħet tiġġieled kontra l-kurrenti tal-ħajja. Bir-rakkont tagħha, hi tħalli marka fil-qalb umana. Wieħed m’għandux jitlef dan il-monologu mimli emozzjoni, riflessjoni u profondità. Prosit lill-kittieb u direttur Mario Micallef kif ukoll lill-attriċi ta’ kalibru għoli Sarah Camilleri.
Diane Dimech: Il-mod kif Sarah Camilleri interpretat il-monologu ĠUF ħalliena lkoll bla nifs. It-talent ta’ din l-attriċi hu straordinarju. Kull emozzjoni tagħha nifdet u daħlet f’qalbna. Ħassejt kull kelma, kull silenzju, kull mument. Prosit ukoll lil Mario Micallef għall-kitba u direzzjoni daqstant qawwija, li Sarah rnexxielha tagħtiha l-ħajja. Nammira l-kuraġġ tal-awtur li b’sensittività kbira u kuraġġ jidħol fil-fond ta’ suġġetti delikati bħal dawn. Mario ma ħoloqx skript, imma ħoloq esperjenza li tibqa’ mal-udjenza anki fi tmiem il-monologu. Grazzi lilhom it-tnejn għal esperjenza emozzjonanti u tabilħaqq speċjali.
Ronnie Dimech: Nixtieq ngħid prosit kbira ħafna lil Mario Micallef u Sarah Camilleri għal dan il-monologu qawwi. L-istorja li kiteb u dderieġa Mario kienet interessanti ħafna u Sarah kienet impekkabbli. Ħallietna mkaħħlin fis-siġġu bla nifs. Ma nafx min jista’ jippreżenta monologu teatrali aħjar minn dawn iż-żewġ persuni. Prosit u awguri għar-rappreżentazzjonijiet li fadal.
Diane Mizzi: ĠUF hu monologu qawwi li jiftaħ l-imħuħ tal-udjenzi b’mod profond, riflessiv u emottiv. Din il-bijografija ġġiegħel lil kull individwu jifli, jgħarbel u jixtarr tajjeb li ħadd m’għandu jiġġudika b’mod superfiċjali fuq dak li jkun. Fir-realtà, ħadd ma ikun jaf minn xiex ikun għaddej bniedem fil-ħajja personali tiegħu. B’hekk din l-istorja għalkemm fittizja, tirrifletti r-realtà personali u soċjali tagħna lkoll għaliex kull individwu jista’ jgħaddi minn esperjenzi simili.
//= $special ?>

