Lokali Qorti

Mhux ħati li nstalla kaxxa tad-dawl f’mogħdija privata

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, illiberat lil George Zerafa mill-akkuża li kien poġġa kaxxa tad-dawl f’mogħdija privata fl-Imqabba u li allegatament fixkel id-dritt ta’ passagg ta’ żewġt aħwa bdiewa.

L-inċident kien intqal li seħħ fl-2019, iżda l-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx biżżejjed il-każ u li kien hemm diversi kontradizzjonijiet dwar iż-żmien u l-post tal-allegat reat. Il-kawża bdiet wara kwerela li l-aħwa Anthony u Manuel Ellul għaddew lill-Pulizija u lill-Enemalta, fejn sostnew li f’passaġġ li għandu jintuża biex jidħlu b’trakkijiet u makkinarju fl-għelieqi tagħhom, tpoġġiet kaxxa tad-dawl li, skont huma, kienet ta’ periklu għax tinsab f’kisra żgħira fit-triq u kienet tista’ tintlaqat minn vetturi agrikoli.

Il-prosekuzzjoni ppreżentat diversi dokumenti, fosthom pjanti tad-Dipartiment tal-Artijiet, kwereli lill-Enemalta u kontijiet tal-ARMS li juru li meter ġdid ġie installat f’Ġunju u Settembru tal-2019. Madankollu, l-ebda xhud ma kien ra lil Zerafa jqiegħed il-kaxxa, u lanqas l-uffiċjal li ħa l-kwerela ma kien mar fuq il-post jew ikkuntattja lir-rappreżentanti tal-Enemalta biex jivverifika min kien responsabbli għall-installazzjoni.

Ix-xhieda mill-“Lands Authority” żiedet tħawwad is-sitwazzjoni, hekk kif irriżulta li l-proprjetà kkonċernata ma kinitx tal-Gvern u lanqas tal-‘Joint Office’, minkejja dubji inizjali f’dan ir-rigward. Il-Qorti osservat ukoll li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx b’mod ċar il-konnessjoni bejn il-proprjetà, il-mogħdija, u r-responsabbiltà tal-imputat.

Iktar minn hekk, il-Maġistrat Grima rrimarkat li kien hemm żewġ problemi ewlenin fil-każ: id-dati u l-lokalità indikati fl-akkuża ma kienux jaqblu mad-dokumenti u l-kwereli oriġinali. Il-kwerela tal-aħwa Ellul kienet tgħid li l-problema bdiet bejn il-15 u l-21 ta’ Ġunju 2019, filwaqt li l-akkuża uffiċjali kienet tgħid li r-reat seħħ fl-18 ta’ Ottubru 2019 jew ftit qabel.

Barra minn hekk, l-akkuża ssemmi lokalità msejħa “Ta’ Menglin” f’Ħal Safi, iżda d-dokumenti tal-każ jagħmlu referenza għal “Cinkwina, Tal-Baqqari, Triq Ħal Far, Żurrieq”. Il-Qorti qalet li dawn id-differenzi kienu “materjali” u jagħmlu impossibbli li tiġi stabbilita prova soda tal-akkuża. Lanqas ma kien hemm prova diretta li Zerafa kien personalment mar fuq il-post jew li kien hu li talab jew installa l-meter.

Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ skont il-livell meħtieġ mil-liġi kriminali u għalhekk iddikjarat lil George Zerafa mhux ħati u lliberatu mill-akkuża.