Lokali

Moving with the Wind, Like Waves

Ftuħ għall-pubbliku: Il-Ħadd 30 ta’ Novembru 18:00-21:00 fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu

Il-Bank of Valletta u l-kuratriċi Elyse Tonna iħabbru l-ftuħ ta’ Moving with the Wind, Like Waves nhar il-Ħadd 30 ta’ Novembru (18:00-21:00). Dan hu proġett ta’ arti kontemporanja li jilħaq il-qofol tiegħu f’wirja, programm pubbliku u pubblikazzjoni fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu. Il-programm tal-ftuħ jinkludi esebizzjonijiet u sessjonijiet ta’ qari mill-artisti li qed jesibixxu x-xogħol tagħhom u kontributuri mistiedna oħra.

Il-proġett jistieden lill-viżitaturi biex jirrelataw mas-sit permezz tal-memorja, il-moviment u l-interpretazzjoni li spiss mhumiex inklużi fin-narrattivi uffiċjali. Aktar milli jiffoka fuq rakkonti prominenti, dan il-proġett jixħet l-attenzjoni tiegħu lejn dak li normalment jiġi injorat jew ma jiġix irreġistrat: impressjonijiet sottili, aspetti partikolari tal-istorja u prattiċi ta’ kuljum li jsawru l-binja. Il-wirja żviluppata u kkurata minn Elyse Tonna, tlaqqa’ flimkien disa’ artisti li x-xogħlijiet tagħhom huma ispirati mis-saffi differenti li jsawru l-istejjer tal-Palazz, filwaqt li l-proġett usa’ jestendi permezz ta’ programm pubbliku li jinvolvi artisti oħra minn ġeneri differenti.

Wara sejħa miftuħa għal artisti li rċeviet 49 sottomissjoni, ġew magħżula disa’ artisti minn grupp finali ta’ ħmistax. Victor Agius, Laura Besançon, Ryan Falzon, Wioletta Kulewska Akyel, Julian Micallef, Jacob Saliba, Sheldon Saliba, Matthew Schembri u Tom Van Malderen żviluppaw u ħadmu fuq xogħlijiet ġodda li ġew kreati permezz ta’ djalogu kontinwu mal-kuratriċi u bl-appoġġ tat-tim kuratorjali tal-Palazz tal-Inkwiżitur, li kkontribwixxa b’għarfien storiku u riċerka.

Il-kuratriċi Elyse Tonna qalet, “B’approċċ ibbażat fuq ir-riċerka, il-proċess u l-kollaborazzjoni, kull xogħol ġie żviluppat apposta għal dan il-proġett u għall-Palazz tal-Inkwiżitur innifsu. Aktar milli niffokaw fuq l-istorja tas-sit, qed niffokaw fuq dak li spiss jibqa’ inviżibbli jew mhux dokumentat. L-għan tiegħi kien li noħloq kundizzjonijiet biex noħorġu fid-deher is-saffi l-aktar mistura tal-Palazz u jiġu nnutati minn dawk kollha li jżuruh illum.”

Fl-istess waqt li tkun għaddejja l-wirja, se jittella’ programm pubbliku bejn it-3 ta’ Diċembru u s-27 ta’ Diċembru, li joffri workshops, prestazzjonijiet, qari, avvenimenti mmexxija mill-artisti, u sessjonijiet oħra bla ħlas marbuta mal-kapitli kuratorjali tal-proġett. Dawn l-avvenimenti se jsiru nhar ta’ Erbgħa filgħaxija u nhar ta’ Sibt filgħodu. Se jkunu disponibbli wkoll gwidi kuratorjali f’każ li jiġu mitluba mill-viżitaturi.

Il-proġett huwa kkummissjonat u qed isir bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Bank of Valletta b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, li qed tappoġġja u tospita l-wirja fil-Palazz tal-Inkwiżitur.