Mark Lombardo
Kunsillier PN
Kunsill Lokali Fgura
Gvern viċin in-nies, li jħoss il-polz tal-poplu, hu kostrett li jindirizza l-preokkupazzjonijiet tan-nies, l-aktar dawk vulnerabbli, biex ħadd ma jibqa’ lura fis-soċjetà. Il-Gvern huwa wkoll fid-dmir li jindirizza l-weġgħat tan-nies biex jaffrontaw il-ħajja ta’ kuljum.
Il-poplu hu mdejjaq u mxabba’
Sitwazzjonijiet l-aktar prekarji li jiltaqgħu bosta ċittadini kuljum, u li kawża tagħhom ikunu frustrati huma t-traffiku fit-toroq, is-sistema tat-trasport u l-istennija fl-isptarijiet, l-aktar fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Dawn il-problemi qegħdin niffaċċjawhom, kawża tal-politika ekonomika u bla pjan, li imbarka fuqha l-Gvern PL f’dawn l-aħħar tlettax-il sena.
Il-PL, meta kien fl-Oppożizzjoni, ħoloq politika ta’ biża, li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea, kienu se jiġu l-Isqallin jeħdulna xogħolna, li l-fabbriki kienu se jingħalqu, li l-qgħad kien se jisplodi u, agħar minn hekk, li Malta ma kenitx se tgawdi minn fondi Ewropej.
Mhux biss, dak li sostnew il-profeti foloz ma seħħx, imma pajjiżna bejn l-2004 u l-2013 għamel ħafna progress f’diversi oqsma u dan minkejja l-kriżi finanzjarja li laqtet id-dinja u l-gwerra fil-Libja.
Fl-2013, il-PL kiseb il-poter, u wiret pajjiż ekonomiku b’saħħtu, kif ammetta aktar minn darba Joseph Muscat, li fih kien hemm investiment f’diversi setturi ekonomiċi ġodda, fosthom il-farmaċewtiċi, l-avvjazzjoni u s-setturi fnanzjarji.
Il-bejgħ tal-passaport Malti
Biss l-unika viżjoni tal-Gvern PL kienet li l-mudell ekonomiku tiegħu jibbażah fuq il-bejgħ tal-passaporti u biż-żieda fil-popolazzjoni. Dan wassal biex pajjiżna kellu invażjoni ta’ nies minn diversi pajjiżi.
Massa ta’ nies, li ġabet magħha l-bżonn ta’ bini ta’ appartamenti madwar il-pajjiż kollu, b’detriment għall-ambjent li ngħixu fih. Rajna wkoll pressjoni akbar fis-servizzi offruti mill-Gvern, bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-infrastruttura, li issa riedu jagħtu servizz lill-popolazzjoni ferm akbar, imma bl-istess riżorsi.
Iffaċċjat b’numru ta’ sfidi u hekk kif il-pajjiż daħal f’election mode, il-Gvern PL ta’ Robert Abela ddeċieda li jagħżel l-eħfef triq. Għażel it-triq populista, dik li sempliċement jagħti lura ftit mill-fondi miġbura mit-taxxi.
Hu tajjeb li nwieżnu lin-nies u ngħinuhom finanzjarjament imma n-nies minbarra l-mezzi finanjarji jinħtieġu wkoll li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar flimkien mal-familji tagħhom.
Il-Gvern kien kostrett jieħu dawn il-mezzi finanzjarji meħtieġa fi klima fejn id-dejn tal-pajjiż sploda ’l fuq, u dan jikkuntrasta mal-mod kif il-PL kien jaġixxi meta kien fl-Oppożizzjoni, meta kien jikkritika lill-Gvern, li kien qed jiddejjen biex jibni l-infrastruttura neċessarja għall-pajjiż, u sabiex jinvesti f’setturi essenzjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent.
F’dawn l-aħħar ġranet il-Gvern ipprova wkoll jipproġetta ruħu bħala difensur tal-Kunsilli Lokali, tal-għaqdiet volontarji, tal-isportivi u ta’ dawk li jippratikaw xi delizzji, imma meta tagħsar il-Baġit issib mhux biss li dawn is-setturi kienu injorati, imma li saħansitra tnaqqsulhom il-fondi, fiż-żmien meta l-ħajja u s-servizzi dejjem qed jogħlew.
Alex Borg theddida għall-Gvern tal-Labour
Fl-istat ta’ paniku li jinsab fih, il-Prim Ministru minflok ma utilizza d-diskors tal-Baġit biex jindirizza l-isfidi li għandu l-pajjiż, għażel rwol diffensiv u reattiv biex jattakka lill-Partit Nazzjonalista, u b’mod partikolari lill-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, li kulma jmur qed iħossu ta’ theddida għall-pożizzjoni tiegħu.
Saħansitra beda jagħmel wegħdi ġodda, li ma kenux fid-diskors tal-Baġit ippreżentat mill-Ministru tal-Finanzi, biex itaffi ftit mill-kritika kostruttiva, li qiegħed kontinwament jiffaċċja.
Wara d-diskorsi fiergħa, il-billboards, u l-marketing fuq is-social media, hemm realtà oħra. Hemm inti għadek imwaħħal fit-traffiku, hemm il-problemi tas-saħħa mentali, kawżata fost oħrajn miċ-ċaħda li toqgħod bi kwietek ġo darek minħabba l-kostruzzjoni kontinwa, hemm id-dewmien fis-sala tal-Emerġenza, hemm il-frustrazzjoni meta tasal lura d-dar wara ġurnata xogħol, u lanqas issib fejn tipparkja il-vettura tiegħek – hemm in-nuqqas ta’ serħan il-moħħ.
Ebda soluzzjoni għall-problemi li ħoloq hu stess
Hemm fuq kollox il-problema tal-overpopulation, li l-Gven mhux biss m’għandux soluzzjonijiet għaliha, imma tilef il-kontroll tagħha. Realtà li qed jgħix u jaffronta l-poplu kuljum.
Pajjiżna għandu bżonn viżjoni aktar friska u żagħżugħa. Dan hu l-mument li fih il-poplu jrid jiddeċiedi fuq il-futur tiegħu. Il-poplu jrid bidla fil-mentalità sabiex ikun jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu u sabiex ikollu aktar ħin ta’ kwalità x’jiddedika għall-familja u għall-għeżież tiegħu.
Il-poplu qed jieħu nota tal-istil ġdid ta’ politika li adotta l-mexxej żagħżugħ tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg li fid diskors tiegħu fil-Parlament u anke barra kompla jwassal għadd ta’ proposti ġodda li permezz tagħhom qed jagħti tama ġdida lill-poplu Malti u Għawdxi, li jixtieq li jkompli jgħix f’art twelidu u jara lil pajjiżu miexi ’l quddiem.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

