Beppe Galea
Kandidat
Partit Nazzjonalista
Il-ħin jgħaddi, il-vapur ma jasalx, u l-frustrazzjoni tikber. L-aħħar ġimgħat urewna li s-sitwazzjoni laħqet livelli baxxi ħafna. Azzjonijiet industrijali, vjaġġi kkanċellati, u passiġġiera rrabjati.
Tul din il-ġimgħa li għaddiet kont fost għexieren ta’ nies jistennew il-vapur. Kien hemm studenti, ħaddiema u turisti bil-bagalji jistennew, uħud minhom jiċċassaw jew jilagħbu bil-mobile. Negozjant mix-Xagħra kien qed jgħidli li tilef laqgħa importanti ma’ klijent. Kulħadd kellu storja differenti, iżda kulħadd mifxul bil-ħin mitluf.
Ħin li suppost jiġi investit fix-xogħol, mal-familja jew fl-istudju qed jintilef fil-ħin ta’ stennija. U għall-Gvern, jidher li l-ħin tiegħek ma jiswa xejn. Tistenna jkollok, trid jew ma tridx.
Il-flotta tal-Gozo Channel qed tixjieħ, il-manutenzjoni bil-mod, u l-iskedi m’għadhomx ta’ min jafdahom. Għawdxin illum m’għadhomx jistennew li l-vapur jasal fil-ħin, iżda li jasal xi mkien matul il-ġurnata. Għal Gvern li jsejjaħ lil Għawdex “Gżira tal-Villaġġi” u jgħid li jħoss għalih, dan huwa falliment serju.
L-impatt fuq l-ekonomija u l-komunità
In-negozji f’Għawdex jiddependu fuq moviment regolari ta’ prodotti u nies. Meta vapur jittardja jew jinqata’, kollox jieqaf. Ristoranti jibqgħu mingħajr provvisti, siti ta’ kostruzzjoni jitilfu ġurnata xogħol, professjonisti jitilfu laqgħat. Dawn id-dewmien jiswew flus, iżda fuq kollox jiswew fiduċja. Investituri jibżgħu jinvestu meta anke l-konnessjoni bażika bejn il-gżejjer mhix ċerta.
Għall-istudenti u l-ħaddiema li jivvjaġġaw kuljum, dan kollu sar piż kbir. Ħafna jqumu kmieni filgħodu biex jilħqu l-ewwel vapur u jirritornaw tard billejl. L-inċertezza hija esaġerata. Ħajjithom issir dipendenti fuq skeda li m’għadhiex tfisser xejn.
Laqgħa mal-Kap Eżekuttiv
Is-sajf li għadda ltqajt mal-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Channel, Joe Cordina, biex niddiskutu din is-sitwazzjoni serja. F’dik il-laqgħa ppreżentajt numru ta’ proposti konkreti biex intejbu l-effiċjenza, nibdlu l-vapuri, u ntejbu l-kundizzjoni ġenerali tal-kumpanija. Il-konverżazzjoni kienet pożittiva, iżda wriet biċ-ċar kemm dan is-servizz vitali mhux qed jingħata prijorita mill-politiċi li jmexxu. Anke internament huma tal-fehma li r-riforma ilha ġejja u għadha ma waslitx.
ll-viżjoni tal-PN
Il-Partit Nazzjonalista diġà wera l-impenn tiegħu għal sistema moderna u effiċjenti tal-Gozo Channel.
Il-pjan tagħna jinkludi investiment f’terminals adegwati u immodernizzati fil-Port tal-Imġarr, b’faċilitajiet ġodda u kapaċità akbar biex joffri esperjenza aktar komda lill-passiġġieri.
Ninvestu wkoll fir-raba’ u l-ħames vapur biex ikun hemm aktar servizzi, inqas stennija u aktar flessibbiltà fil-ħinijiet.
Iżda l-infrastruttura fuq il-baħar biss, mhix biżżejjed. Illum għandna triq waħda biss li twassal għall-Port tal-Imġarr, li ħafna drabi tkun iffullata. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jħares lejn rotot ġodda u sistemi tal-immaniġjar aħjar tat-traffiku biex tittejjeb is-sigurtà u l-aċċess.
Għawdex ma jistax jibqa’ jiddependi fuq triq waħda li sservi bħala l-unika ħolqa mal-bqija tal-pajjiż.
Għawdex jixraqlu aħjar
Il-Gozo Channel hija litteralment il-lifeline għal Għawdex. Meta l-vapuri jieqfu, kollox jieqaf magħhom. L-ekonomija titlef, l-edukazzjoni tbati, u l-familji jinqatgħu minn xulxin.
Wasal iż-żmien li l-Gvern jifhem li din mhix kwistjoni ta’ vapur jew skeda, iżda ta’ rispett lejn il-poplu Għawdxi. Għawdex għandu bżonn servizz sigur, modern u organizzat, mhux skużi jew wegħdiet fiergħa.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’aċċessibbiltà xierqa li tirrispetta lil kulħadd. Għawdex jixraqlu konnessjoni li tkun ta’ serħan il-moħħ, mhux tħassib u stress żejjed. Għax il-ħin tagħna, ix-xogħol tagħna u l-futur tagħna jixirqilhom aħjar.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

