Joe M. Zahra
Dawn iċ-ċifri qajmuli kurżità għaliex qegħdin daqshekk ’l isfel meta għandna Gvern li tant jiftaħar kemm qed iżid kollox u jekk konniex dejjem hekk. Qallibt u qallibt għaliex sakemm tasal għaċ-ċifri reali mhux faċli. Anki għaliex mhux kulħadd jinkludi l-istess skemi ta’ protezzjoni bħala benefiċċji għall-protezzjoni soċjali.
Niftakar meta l-Parlament kien qed jiddiskuti r-riforma tal-pensjonijiet f’seduta 467 tal-21 ta’ Novembru 2006, il-Ministru Louis Galea kien ta rendikont ta’ x’tiġbor fiha n-nefqa f’benefiċċji għall-protezzjoni soċjali. Hu kien qal li minn għanqudha, il-liġi tas-sigurtà soċjali kienet taħseb għall-pensjonijiet, għall-pensjonijiet tar-romol, għall-benefiċċji tal-invalidità, għall-benefiċċji tal-qgħad, għall-benefiċċji tal-mard, għall-benefiċċji tal-korriment kif ukoll għall-benefiċċji tad-diżabbiltà.
Louis Galea fakkar ukoll li l-Gvern Laburista kien qal li dawn jridu jservu wkoll għaċ-children’s allowance u għas-saħħa.
X’jidħol taħt protezzjoni soċjali
Dan l-aħħar qrajt uffiċjalment liema infiq jidħol taħt Protezzjoni Soċjali. Jidher li l-lista kompliet twalet u llum tinkludi: benefiċċji tas-sigurtà soċjali kontributorji; benefiċċji mhux kontributorji; sptarijiet u faċilitajiet oħra għall-kura tas-saħħa; familja u benessere soċjali; istituzzjonijiet “non-profit” li jservu l-familji; Appoġġ; Sedqa; Jobplus; sussidji fuq utilitajiet; jiem ta’ mard – nefqa ta’ min iħaddem; benefiċċji għall-enerġija; sussidju fuq nolijiet tal-karrozza tal-linja; sussidju għal-pensjonanti fuq il-vapuri ta’ Għawdex; kura għall-anzjani u diżabbli; pensjonijiet tat-Teżor; Skema ta’ rtirar volontarju għall-MDD/MSCL/MSY; ċittadini minn pajjiżi terzi u refuġjati u miżuri għal benefiċċji ta’ appoġġ għall-COVID-19.
Taqta’ nifsek taqra din il-lista. U tasal tgħid x’baqa’ jidħol f’din il-lista! Iżda minkejja li l-lista hi daqshekk twila, xorta nibqgħu t-tieni l-inqas pajjiż li nonfqu fuq protezzjoni soċjali.
Mhux dejjem kien hekk! Kif jidher anki fit-tabella li qed nuru ma’ din il-kitba fl-2013, in-nefqa f’benefiċċji għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali kienet 19.2 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) — fl-istess waqt li dik tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 26.9 fil-mija. Statistika li tfisser li d-differenza kienet ta’ 7.7 fil-mija.
In-nefqa ta’ Malta baqgħet nieżla u nieżla kull sena sakemm, fl-2024, kienet ta’ 13.4 fil-mija tal-PDG meta dik tal-Unjoni Ewropea kienet 27.3 fil-mija. Li jfisser li d-distakk kiber għal 13.9 fil-mija, jew aktar mid-doppju.
Jekk imbagħad, nieħdu l-benefiċċji soċjali waħedhom, ir-riżultat hu ferm agħar għaliex filwaqt li, fl-2013, in-nefqa kienet ta’ 11.3 fil-mija tal-PDG din niżlet għal ħamsa fil-mija.
Tajjeb infakkar li l-akbar żieda fil-benefiċċji kontributorji seħħet bejn l-2001 u l-2013 meta aktar minn irduppjat.
Dan kollu jfisser li l-ġid li qed jinħoloq mhux qed jitqassam tajjeb, tant, li s-sehem li qed imur f’nefqa għall-benefiċċji soċjali u protezzjoni soċjali bħala persentaġġ tal-ġid nazzjonali qed dejjem jonqos.
Dan mhux qed ngħidu jien, fil-fatt, jinstama’ u fejn anki awtoritajiet bħall-Bank Ċentrali tennew li s-sinjur qed isir aktar sinjur waqt li l-bqija qed jitħallew lura. Dan qed ikompli jinforza l-argument li d-distakk bejn min għandu ħafna u min għandu ftit qed jikber. Argument pertinenti u li qed juri wkoll għaliex f’pajjiżna għandna 108,000 fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Dan kollu hu ta’ piż fuq is-soċjetà – partikularment l-aktar persuni vulnerabbli. Iżda hu wkoll ta’ tbeżbiża għall-Gvern li jinkixef kemm mhux veru li qed jagħmel biżżejjed ma’ dawk kollha vulnerabbli u fil-bżonn. Sitwazzjoni li tirrifletti sistema fejn min għandu jkompli jkabbar dak li għandu a skapitù ta’ min għandu ftit, jew xejn.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 21 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

