Opinjoni

OPINJONI: Il-fiduċja taċ-ċittadin il-bażi tas-sigurtà Ewropea?

Sehem fis-sbatax-il laqgħa tal-Joint Parliamentary Secrutiny Group (jpsg) dwar l-Europol li saret fil-Parlament wropew

Stanley Zammit
Shadow Minister
għall-Ippjanar u l-Artijiet

Fil-jiem li għaddew ħadt sehem fis-sbatax-il Laqgħa tal-Joint Parliamentary Scrutiny Group (JPSG) fuq l-Europol li saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell, u għamilt intervent qawwi u ċar dwar il-bżonn li l-Europol tibni futur bażat fuq il-fiduċja, il-komunikazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri… speċjalment dawk iż-żgħar u fil-periferija tal-Unjoni Ewropea, bħal Malta.
Fl-intervent tiegħi enfasizzajt l-importanza tal-komunikazzjoni, tas-solidarjetà prattika u l-istrumenti effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali.
Waqt din il-laqgħa, li fiha pparteċipaw diversi rappreżentanti parlamentari minn madwar l-Ewropa u mill-Parlament Ewropew, enfasizzajt li l-futur tas-sigurtà Ewropea ma jistax ikun bażat biss fuq sistemi u teknoloġija avvanzata, iżda fuq relazzjonijiet sostenibbli u trasparenti bejn l-Europol u ċ-ċittadini. Sostnejt li “l-Unjoni Ewropea hija Unjoni tan-nies għan-nies” u li, għalhekk, il-fiduċja pubblika trid tkun il-pedament ta’ kull azzjoni li tittieħed fil-qasam tal-infurzar tal-liġi.

Il-bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertà
Irrimarkajt li l-isfida ewlenija tibqa’ dik li jinstab il-bilanċ bejn iż-żamma tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali. Minkejja t-taqbida kontinwa bejn is-sovranità tal-Istati Membri u s-solidarjetà li suppost trid teżisti bejniethom, huwa sostna li l-Europol għandha missjoni strateġika: li ssib bilanċ ibbażat fuq fiduċja u governanza demokratika soda.
Fid-dawl tad-dibattiti u l-preżentazzjonijiet li saru, insistejt li l-Europol għandha ssaħħaħ il-komunikazzjoni tagħha f’kull livelli tal-governanza, internazzjonali, sopra nazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan bil-għan li tinbena fiduċja b’mod konkret, speċjalment fejn jidħlu l-ġbir u l-użu tad-data f’investigazzjonijiet transkonfinali.

Il-każ Malti: eżempju ta’ kooperazzjoni effettiva
Semmejt ukoll każ riċenti f’Malta li juri l-valur u l-impatt pożittiv tal-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej.
F’Lulju tas-sena li għaddiet, grazzi għall-kollaborazzjoni bejn id-Dwana ta’ Malta, il-Pulizija ta’ Malta, l-Asset Recovery Bureau u l-European Public Prosecutor’s Office (EPPO), twaqqfet attivitá illegali li kienet ser tikkawża ħsara stmata ta’ aktar minn €15.9 miljun lill-baġit Malti u €7.6 miljun lill-baġit tal-UE.
Dan, huwa eżempju ċar ta’ kif pajjiżi ż-żgħar jistgħu jkunu effettivi ħafna meta jingħataw l-appoġġ, ir-riżorsi u l-istrumenti xierqa.

Tliet mistoqsijiet kruċjali għall-futur ta’ Europol
Fl-intervent, ħeġġiġt għal djalogu miftuħ u diskussjoni serja dwar kif qed tiġi żgurata s-solidarjetà fil-prattika, biex pajjiżi b’riżorsi limitati bħal Malta jibqgħu effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
Punt ieħor li qajjimt kien dwar kif se jiġu mħarsa l-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità fil-mekkaniżmi ta’ aċċess għad-data, biex ma jinħolqux burokraziji li jistgħu saħansitra jsiru terren fertili għall-kriminalità organizzata.
Tkellimt ukoll dwar il-konsultazzjoni serja dwar kif il-Pjan 2026–2028 tal-Europol se jsaħħaħ il-komunikazzjoni u l-fiduċja pubblika, u kemm mill-budget limitat se jiġi allokat bħala għajnuna lil pajjiżi vulnerabbli u fuq il-frontiera mal-attivitajiet kriminali.

Malta tkompli jkollha il-vuċi tagħha tinstema’
Bl-intervent tiegħi komplejt nagħmel il-vuċi ta’ Malta tinstema’ fuq livell Ewropew, bil-messaġġ ċar li l-pajjiżi ż-żgħar għandhom rwol importanti ħafna fil-ġlieda kollettiva kontra l-kriminalità organizzata u t-theddid transkonfinali.
Tennejt li s-sigurtà Ewropea tista’ tinbena biss fuq pedament ta’ fiduċja, governanza tajba u komunikazzjoni li tilħaq lil kulħadd. Malta hija lesta li tkompli tagħti sehemha, iżda teħtieġ solidarjetà reali u strumenti li jagħtu riżultat.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.