Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ikkundannat lil Nicholas Briffa, ta’ 35 sena miż-Żurrieq, għal sena ħabs sospiża għall-perjodu ta’ sentejn u multa ta’ €800 wara li nstab ħati li hedded u insulenta uffiċjal tal-Pulizija waqt li dan tal-aħħar kien qed jaqdi d-dmirijietu.
Il-każ seħħ fil-5 ta’ Mejju 2021 għall-ħabta tad-9:58 a.m. fi Triq l-Imqabba, iż-Żurrieq, meta l-Pulizija waqfu lil Briffa minħabba allegata kontravenzjoni relatata mal-parkeġġ. Il-kuntistabbli Mark Swain, li xehed fil-Qorti, qal li l-imputat “nfexx jidgħi” u indirizzah bi kliem offensiv u thedded, fosthom “buffu kollok int ja giddieb mill-kbar” u “issa nirrangak 1536… hanzira bl-uniformi… taħsbu li intom Alla tal-allat”.
Qabel ma beda l-proċess tal-provi, Briffa ammetta li kien ħati li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li ħareġ barra mill-qies meta wissu. Wara li ġie mwissi dwar il-konsegwenzi, reġa’ kkonferma l-ammissjoni tiegħu. Il-Qorti għalhekk sabitu ħati ta’ dawn iż-żewġ akkużi fuq l-ammissjoni tiegħu.
Rigward l-aktar akkuża gravi — li hedded u offenda uffiċjal tal-Pulizija waqt li kien fuq dmiru — il-Qorti qalet li l-verżjoni ta’ tal-kuntistabbli Swain kienet ċara u konsistenti, u għalhekk qieset lill-imputat ħati wkoll ta’ din l-akkuża.
Min-naħa l-oħra, żewġ akkużi oħra li kellhom x’jaqsmu ma’ kliem oxxen fil-pubbliku u tfixkil tal-kwiet pubbliku ma ġewx ippruvati, peress li l-prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda xhud ieħor aparti lill-pulizija biex tissostanzjahom.
Fl-aħħar, il-Qorti kkundannat lil Briffa għal sena ħabs sospiża għal sentejn, flimkien ma’ multa ta’ €800, u ordnat ukoll li, skont l-Artikolu 383 tal-Kodiċi Kriminali, jitpoġġa taħt garanzija personali ta’ €2,000 għal sena biex jiġi żgurat li ma jerġax jersaq lejn jew jindaħal fil-konfront tal-kuntistabbli Swain.
//= $special ?>

