Malta kitbet l-istorja fil-konkors ta’ Miss Universe, hekk kif ikklasifikat mal-aqwa tnax minn fost 120 pajjiż.
Julia Ann Cluett kienet l-unika kontestanta mill-Ewropa li rnexxielha tasal sal-finali. U wara 74 sena nipparteċipaw f’Miss Universe, irnexxielna wkoll niklassifikaw mal-aqwa tnax.
Julia Ann Cluett kienet inkurunata Miss Universe Malta f’Lulju meta kienet qed tirrappreżenta l-lokalità tal-Furjana.
Minkejja li hi minn Tas-Sliema, Julia kienet iddeċidiet li tirrappreżenta lill-Furjana bħala ġieħ għall-memorja ta’ missierha, David Cluett, li kien goalkeeper mat-team Furjaniż.
Julia Ann Cluett illi għandha 27 sena, ġibdet ħafna kummenti pożittivi lejha sa mill-bidu ta’ dan il-konkors. Hi kellha lbiesi magħmul minn disinjaturi lokali, li ġew ispirati mill-Merill u anke Widnet il-Baħar.
Wara li kisbet dan is-suċċess, hi qalet illi tinsab onorata li għamlet isem għal pajjiżha f’dan il-konkors internazzjonali tant prestiġġjuż.
Ir-rebbieħa ta’ dan il-konkors ta’ sbuħija, kienet Fatima Bosch tal-Messiku – l-istess tfajla li kienet qamet u telqet minn attività tal-istess konkors fit-Tajlandja, wara li d-direttur tal-konkors kien inidirizza lit-tfajliet bi kliem dispreġjattiv.

Dan wassal biex hija kienet ħarġet ‘il barra mis-sala u l-istess għamlu numru ta’ kontestanti oħra.
Intant, Miss Universe Thailand u Miss Universe Venezuela kklasifikaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Il-kompetizzjoni ta’ din is-sena ġiet fi tmiemha fit-Tajlandja matul il-ġurnata tal-Ġimgħa.
//= $special ?>

