L-eks President Brażiljan, Jair Bolsonaro, ġie arrestat fid-dar tiegħu ftit jiem qabel ma kellu jibda sentenza ta’ ħabs talli mexxa attentat ta’ kolp ta’ stat.
Il-Pulizija Federali qalet li wettqu mandat ta’ arrest preventiv, li kienu talbu huma stess u li ġie approvat mill-Qorti suprema fil-Brażil. L-uffiċjali arrestaw lil Bolsonaro fid-dar tiegħu fi Brasilia.
Skont CNN Brażil, it-talba għal detenzjoni preventiva saret wara li ġiet organizzata velja pubblika barra l-kumpless residenzjali ta’ Bolsonaro minn ibnu l-kbir Flávio Bolsonaro. Din il-velja, kkaġunat tħassib fost l-awtortitajiet li din setgħet toħloq tensjoni jew tfixkel l-ordni pubblika.
Fil-bidu ta’ din is-sena, Bolsonaro ġie kkundannat għal 27 sena ħabs, għax pprova jibqa’ fil-poter wara li tilef l-elezzjoni presidenzjali tal-2022 kontra Luiz Inácio Lula da Silva. Panel ta’ ħames ġudikanti tal-Qorti Suprema sabuh ħati fuq il-ħames akkużi kollha.
Dawn l-akkużi inkludew ippjanar ta’ kolp ta’ stat, parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali armata, tentattiv li jħassar l-ordni demokratiku tal-Brażil bil-forza, atti vjolenti kontra istituzzjonijiet statali, u ħsara fil-proprjetà pubblika protetta matul l-attakki tat-8 ta’ Jannar taal-2023, imwettqa mill-partitarji tiegħu.
Riċentement, diversi uffiċjali militari għolja u uffiċjal tal-pulizija federali ġew ukoll ikkundannati għall-ħabs wara li nstabu ħatja ta’ tentattiv ta’ kolp ta’ stat u pjan biex joqtlu lill-President Lula da Silva.


