Lokali

Ċelebrazzjoni trippla għall-familja Catania

Kienu eluf ta’ studenti li ggradwaw mill-Università ta’ Malta, iżda kienu familja waħda biss li kellhom ċelebrazzjoni trippla – hekk kif it-triplets tal-familja Catania gradwaw fi ftit jiem.

Martina, Kristina u Francesca, it-triplets li din is-sena gradwaw mill-Universita ta’ Malta f’oqsma differenti ferm minn xulxin.

Martina Catania gradwat b’Diploma fid-Design Foundation Studies u issa kompliet l-istudji tagħha għal perit. Minn naħa tagħha Kristina Catania gradwat bil-Baċellerat fil-Communication Therapy filwaqt li Francesca Catania gradwat bil-Baċellerat fil-Psikoloġija.

F’filmat qasir li tellgħet l-Universita ta’ Malta fuq il-midja soċjali tagħha, l-aħwa rringrazzjaw lill-ġenituri tagħhom għall-appoġġ li huma pprovdew tul dan il-vjaġġ tripplu akkademiku. L-aħwa sostnew li l-prijorità tal-ġenituri tagħhom dejjem kienet l-edukazzjoni, u allura l-fatt li baqgħu jimbuttawhom biex ikomplu jitgħallmu kienet xi ħaġa verament sabiħa u li mliethom bil-kuraġġ sabiex it-tlieta li huma ssoktaw bl-istudji tagħhom u waslu sa hawn.

L-aħwa ddeskrivew lilhom infushom bħala persuni passjonati u ambizzjużi u li dejjem ħadu kull opportunità li offritielhom il-ħajja.

Issa, l-aħwa se jibdew il-ħajja tagħhom fid-dinja tax-xogħol filwaqt li juru s-sapport tagħhom lil oħthom Martina illi se tkompli bl-istudji tagħha sabiex ftit snin oħra tiggradwa bħala perit.