It-telefonata daħlet fil-control room tal-112. Ir-rapport kien li beda nar industrijali fi scrapyard fil-Marsa.
Fi ftit minuti, dalma sewda ħakmet iċ-ċimiterju tal-Addolorata, l-industrial estate tal-Marsa u l-lokalitajiet tal-madwar. U minnufieh intbgħatu numru ta’ fire-engines sabiex jibdew jassistu għat-tifi ta’ nirien kbar li ħakmu l-iscrapyard ta’ JEC Steel Limited.



NetNews tkellem mad-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro li spjegalna l-proċess li jieħdu l-pumpiera tagħna sabiex jibdew jassistu għal nirien ta’ dan il-livell.
Huwa spjegalna li mal-wasla fil-post l-uffiċjali għamlu biċ-ċert li l-ħajja tal-bniedem tkun imħarsa l-ewwel u qabel kollox.
Ġaladarba ma kienx hemm ħtieġa ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ, bdiet l-operazzjoni sabiex ġie determinat il-periklu li kkawża n-nar. Bl-ewwel fire engine li waslet fil-post kellha tħejji pjan ta’ fejn se tpoġġew il-fire-engines u l-bowsers.

Id-Direttur Ġenerali spjega ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet illi l-aktar ħaġa kruċjali f’nar industrijali li jkun ta’ dan il-kobor huwa li ma tħalliehx jinfirex. Anke minħabba l-fatt illi kienet ġurnata bir-riħ.
Peter Paul Colerio spjega wkoll illi l-proċess ma jinkludix biss l-użu tal-ilma. Iżda anke l-użu tal-foam illi jkompli jniżżel it-temperaturi esaġerati li jkunu ntlaħqu minħabba n-nirien.
Id-Direttur Ġenerali spjega li din l-operazzjoni nqasmet fi tliet partijiet bħalma jsir dejjem. Fejn l-ewwel fażi ġie kkontrollat in-nar, sabiex dan ma kompliex jinfirex. Imbagħad, it-tieni pass kien it-tifi tan-nar, cioè li ntefa’ l-materjal li litteralment kien qed jipproduċi fjamma.
U fl-aħħarnett, il-pumpiera riedu jniżżlu t-temperatura tal-materjal innifsu.
Il-proċess kompla billi ġew identifikati l-hotspots, fejn il-materjal beda jitneħħa ftit ftit sabiex jinstabu żoni li jkollhom temperatura għolja u li kienu f’riskju li jerġgħu jaqbdu.

Wara li ma kienux identifikati aktar żoni ta’ sħana esaġerata, is-CPD baqgħet hemm siegħa sabiex tagħmel biċ-ċert li l-operazzjoni ntemmet.
Din mhux l-ewwel darba li din l-iscrapyard ħadet in-nar, hekk kif kienet ħadet in-nar lura fl-2021.
Sabiex din l-operazzjoni kienet waħda ta’ suċċess, is-CPD għamlet użu minn 4,700,000 litru ta’ ilma u 30,000 litru ta’ foam. Filwaqt li kienu 153 il-pumpier li ħadmu fl-operazzjoni, 24 siegħa ta’ operazzjoni ta’ tifi tan-nar bla waqfien, 16-il uffiċjal għoli fi ħdan is-CPD u anke 30 tip ta’ makkinarju tat-tifi tan-nar.




Il-ħidma tas-Sibt kienet konġunta bejn is-CPD u l-Emergency Fire and Rescue Unit, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei, Transport Malta, is-Servizzi ta’ Detenzjoni, il-LESA, Clean Malta, St John Ambulance and Rescue Malta u anke numru ta’ kuntratturi privati tal-bowsers tal-ilma.


