Lokali

“Il-COVID seta’ kien fattur fir-racket tal-benefiċċji soċjali” – Il-Ministru Michael Falzon

“Ġara dak li ġara. Jista’ jkun illi n-nuqqas ta’ kuntatt man-nies fil-pandemija tal-COVID setgħet kienet fattur”.

Kienet din id-dikjarazzjoni surreali li għamel il-Ministru Michael Falzon b’rabta mar-racket tal-benefiċċji soċjali meta kien intervistat fuq Campus 103.7 mill-Professur Andrew Azzopardi.

L-eks backbencher Laburista Silvio Grixti qed jaffaċċja akkużi kriminali serji wara li għen mijjiet ta’ persuni sabiex jiffalsifikaw dokumenti mediċi u jieħdu mijjiet ta’ ewro fix-xahar bħala benefiċċju għal diżabiltajiet li mhux veru kellhom.

Dawn il-persuni li kienu prinċiparjament ġejjin minn lokalitajiet ta’ maġġoranzi Laburisti, ġew ikkonfermati li għandhom diżabbiltà minn board tal-benefiċċji. B’din is-serqa tammonta għal miljuni mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

U issa, skont il-Ministru Michael Falzon, il-fatt li kien żmien il-pandemija tal-COVID, u li kien hemm nuqqas ta’ kuntatt man-nies, dan seta’ kien fattur.

Madanakollu, Michael Falzon ammetta illi l-Gvern Laburista fi 12-il sena, ma rnexxielux isolvi l-problema tal-faqar dan minkejja li kienet waħda mill-proposti prinċipali fil-manifest elettorali Laburista tal-2013.

Il-Ministru responsabbli mill-familja u d-drittijiet tat-tfal, ammetta illi l-Gvern Laburista għadu ma sabx tarf tal-problema tal-faqar f’pajjiżna minkejja li – skont hu – il-poplu ra żiediet sostanzjali fil-budgets ta’ Gvernijiet Laburista.

Minkejja din l-ammissjoni, Michael Falzon ma offra l-ebda soluzzjoni ta’ kif il-Gvern se jkun qed jaħdem sabiex jelimina totalment il-faqar – kif wiegħed lura fl-2013.