Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jesprimi l-ikbar apprezzament u gratitudni lit-tim kollu tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), lill-Pulizija, lit-timijiet mediċi u lill-membri kollha tas-servizzi ta’ emerġenza li lbieraħ, b’ħidma bla waqfien u b’kuraġġ, intervjenew biex jitfu nirien estensivi u jikkontrollaw sitwazzjonijiet ta’ periklu serju għall-pubbliku.
Ringrazzjament speċjali jmur ukoll lill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) u lill-ekwipaġġ tal-Melita II, li f’kundizzjonijiet ta’ baħar qawwi ħarġu għal operazzjoni ta’ salvataġġ li fiha salvaw tliet bugħaddasa li sabu ruħhom f’diffikultà. L-AFM twettaq dawn l-operazzjonijiet b’kompetenza u dedikazzjoni sena wara sena, partikolarment f’perjodi ta’ temp diffiċli.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi wkoll l-apprezzament tiegħu lejn il-familji u l-qraba tal-membri tas-servizzi ta’ emerġenza, li dejjem isostnuhom f’dawn il-mumenti ta’ riskju u pressjoni.
Fl-istess waqt, il-PN jistaqsi għalfejn qed iseħħu b’mod ripetut sitwazzjonijiet ta’ periklu jew emerġenza li jistgħu jkunu evitati.
Jekk hemm nuqqas ta’ infurzar, regolamentazzjoni jew koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, dawn in-nuqqasijiet jeħtieġ li jiġu indirizzati mill-aktar fis, qabel ma jkomplu jpoġġu f’riskju kemm lill-pubbliku kif ukoll lill-għaddasa, membri tal-Protezzjoni Ċivili, tal-Pulizija u tal-Forzi Armati Maltin. Dan apparti l-impatt li sitwazzjonijiet bħal dawn qed ikollhom mhux biss fuq is-saħħa tan-nies imma anke fuq l-ambjent.
Is-servizzi ta’ emerġenza tagħna jaqdu dmirhom b’dedikazzjoni u professjonalità, iżda l-Istat għandu r-responsabbiltà li jiżgura li ħadd ma jabbuża mis-servizz jew mill-kuraġġ tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jressaq soluzzjonijiet konkreti u li jħares is-sigurtà u s-saħħa taċ-ċittadini u ta’ dawk kollha li jaħdmu biex isalvaw u jħarsu l-ħajjiet ta’ kuljum.




